Il-pulizija tal-komunità jibdew jaħdmu fi 11-il lokalità oħra

Byron Camilleri pulizija fil-komunità tnedija
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar Byron Camilleri waqt it-tnedija tal-pulizija fil-komunità fi 11-il lokalità

S’issa 11-il lokalità bdew igawdu mill-pulizija fil-komunità. B’kollox żiedu ħames timijiet ġodda ta’ pulizija fil-komunità biex issa hemm sitt timijiet. It-total ta’ pulizija f’dawn it-timijiet huwa ta’ 28 pulizija li l-maġġorparti tagħhom huma żgħażagħ. Fost dawn il-pulizija hemm 10 li huma nisa u tnejn minnhom huma team leaders.

Iċ-ċittadini fil-lokalitajiet li se jgawdu mill-pulizija fil-komunità se jkunu qegħdin jirċievu fuljett id-dar bit-tagħrif u bil-kuntatt dwar il-pulizija tagħhom. Dawn it-timijiet se jkunu qegħdin joperaw minn binjiet viċin il-komunità li tħejjew apposta għal dan il-għan.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega li issa li dawn il-pulizija tħarrġu u bdew jaħdmu fil-lokalitajiet magħżula. Żied li se tibda l-konsultazzjoni biex il-proġett jinfirex f’lokalitajiet oħra, inklużi lokalitajiet bi sfidi ikbar.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li f’dawn it-timijiet hemm nies li huma dedikati. Kompla li kienet l-għażla tagħhom li jidħlu għal dan ix-xogħol wara li saret sejħa interna kif ukoll taħriġ minn professjonisti fis-suġġett.

Il-lokalitajiet fejn il-pulizija bdew jaħdmu fil-komunità huma l-Belt Valletta, il-Furjana, Marsaxlokk, Birżebbuġa, ir-Rabat, l-Imdina, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Pembroke, is-Swieqi u l-Fgura. Magħhom hemm il-Mellieħa li kienet il-lokalità fejn sar il-proġett pilota.