Il-Pulizija ssostni li mxiet skont il-liġi mhux kif qed isostni l-PN

Il-Pulizija qalet li kienet obbligata tinvestiga allegazzjonijiet li saru fil-każ li jikkonċerna l-arrest ta’ Darryl Luke Borg.

Il-Pulizija qalet dan b’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-Kelliem għall-Intern, Jason Azzopardi.

Il-Kelliema Nazzjonalisti sostnew li l-Pulizija akkwistat logs tat-telefonati b’abbuż ta’ poter fuq Artikli tal-liġi li jġorru aktar minn sena priġunerija. Dan meta fi kliemhom ma kienx il-każ.

Fi stqarrija, l-Pulizija kellha tinvestiga l-allegazzjonijiet li saru fosthom l-allegat attentat ta’ korruzzjoni ta’ xhieda minn uffiċjal tal-Pulizija.

Dan kien ikkonfermat f’affidavit ta’ Jane Borg, omm is-Sur Borg.

Il-Pulizija qed issostni li l-allegazzjonijiet li saru jiksru l-Artikli 102, 110 u 111 tal-Kodiċi Kriminali, li fost oħrajn jirrigwardjaw il-korruzzjoni ta’ xhieda, l-ħolqien ta’ provi foloz u ma jingħatax tagħrif jew provi meħtieġa.

Inkiser ukoll l-Artiklu 141 li jindirizza reati magħmula minn uffiċjali pubbliċi.

L-istqarrija tal-Pulizija ssostni li dawn iġorru piena ta’ aktar minn sena priġunerija u reat serju u għalhekk jiġġustifika t-talba għall-logs mill-Pulizija.

L-istqarrija tippreċiża li kull ma jiġi pprovdut lill-Pulizija hija l-lista bil-ħinijiet u t-tul tat-telefonata.

Dak li ntqal waqt t-telefonati jew li nkiteb f’messaġġi ma jistax jintalab għax dan ma jinżammx minn min jipprovdi s-servizz.

Il-Pulizija ppreċiżat li dawn il-logs jintużaw għall-investigazzjoni u qatt ma jsiru pubbliċi ħlief meta jitressqu għall-attenzjoni tal-Qorti bħala prova.