​“Il-Pulizija ssawwat u tixxokkja lill-immigranti”

Amnesty International qed takkuża lill-Pulizija Taljana dwar rapporti ta’ tattiċi vjolenti waqt li suppost kellha tiġbor il-marki tas-swaba’ tal-immigranti.
L-għaqda li taħdem favur id-drittijiet tal-bniedem qalet li rċeviet 24 rapport dwar trattament ħażin, fosthom swat u xokkijiet elettriċi.
Spjegat li l-Gvern Taljan ma rreaġġixiex għal dawn l-allegazzjonijiet u li dejjem jgħid li tratta lill-immigranti b’mod professjonali.
Madanakollu talbet biex issir inkjesta indipendenti dwar dawn l-allegazzjonijiet.
Għadd ta’ immigranti irregolari jippruvaw jevitaw li jitteħdulhom il-marki tas-swaba’, għax jibżgħu li ma jkunux jistgħu jħallu l-Italja.
Il-liġi Ewropea titlob li l-immigranti għandhom joqogħdu fil-pajjiż li jidħlu fih, li jiġi determinat minn fejn jitteħdulhom il-marki tas-swaba’.