Il-Pulizija se tiġbor l-informazzjoni ta’ kull min isiefer

Il-Gvern Malti waqqaf Uffiċċju tal-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri sabiex ikun jista’ jiġbor u jittrasferixxi tagħrif fuq il-persuni li jidħlu f’Malta li jieħu mingħand il-linji tal-ajru biex jiġu skoperti u evitati reati terroristiċi u kriminalitajiet.

It-tagħrif se jkun qed jinġabar kemm fuq nies ġejjin mill-Unjoni Ewropea, u anke minn barra, u l-informazzjoni se tittieħed 24 siegħa qabel it-tluq tal-persuna mill-pajjiż u wara li tispiċċa t-titjira. Il-Ministru Michael Farrugia, fit-tnedija ta’ din is-sistema, qal li l-informazzjoni se tiġi evalwata skont lista ta’ kriterji u mbagħad anke f’databases bħal Schengen Information System (SIS), National Stop List (NSL) u Europol Information System (EIS). Din l-informazzjoni tista’ mbagħad tintalab u tingħata lill-Korp tal-Pulizija, lid-Dwana u lill-Europol.

Malta hija fost l-ewwel stati membri tal-Unjoni Ewropea li qed timplimenta d-Direttiva Passenger Name Record (PNR) sabiex ikollha aktar kontroll fuq min jidħol mill-fruntieri, wara li l-UE rat żieda fid-dħul mill-fruntieri u qed tinħass theddida fuq is-sigurtà interna.

Dan it-tibdil qed isir fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, u 75% mill-investiment ta’ €2 miljun huma fondi Ewropej.