Awdjo: Il-pulizija Schembri kien qabbeż it-traffiku għal mara li kienet qed twelled

Il-kuntistabbli Simon Schembri, li bħalissa jinsab l-isptar f’kundizzjoni gravi, iltaqa’ ma’ bosta sitwazzjonijiet fuq xogħlu, li fihom spikkat id-determinazzjoni tiegħu li jsalva ħajjet ħaddieħor, fost l-oħrajn meta aġixxa f'waqtu biex wassal mara li kienet se twelled l-aħħar u nqabdet fit-traffiku, bl-ambulanza wkoll maqbuda xi mkien ieħor.
Schembri kien wieħed mill-mistiedna tliet snin ilu waqt il-programm Kont hemm, li kien jixxandar fuq RTK 103FM, u kien jittratta mumenti meta persuni partikulari kienu hemmhekk fil-mument li kien hemm bżonnhom.
Il-kuntistabbli jsemmi meta darba, fis-26 ta' Ġunju 2013, irnexxielu jwassal mara l-isptar li kienet inqabdet fit-traffiku u ma kinitx se twassal biex twelled. Jirrakkonta kif kienet deċiżjoni ta’ dak il-mument li salvat lit-tarbija mhux imwielda. Schembri qal li seta’ qabad u għenha twelled għax kellu esperjenza mit-tfal tiegħu, jew iħalli l-mutur u jipprova jsuq kif jista’ minn ġot-traffiku.
Huwa kien għażel it-tieni waħda, u jgħid li ftit minuti wara li waslet l-isptar, il-mara welldet u llum iż-żewġ familji għadhom ħbieb sewwa.
Madankollu mhux dejjem kien hemm mumenti ta’ ferħ fil-Korp tal-Pulizija.
Il-kuntistabbli jiddeskrivi meta waqt ronda billejl il-Mellieħa, xi persuni waqqfuh fit-triq u talbuh l-għajnuna tiegħu.
Kien hemm żagħżugħ li qabeż fil-baħar u ħabat rasu mar-ramel ta’ fil-qiegħ, u ma setax jieħu nifs. Għalkemm Schembri tah in-nifs assistit, ma rnexxilux isalvah.
Jirrakkonta kif mument bħal dan kien għadu jhewden bih sa dakinhar, u dam biex jerġa’ jorqod sewwa.
Rakkonti bħal dawn isaħħu l-fehma ta’ dawk in-nies li f’dal-jumejn urew solidarjetà mal-kuntistabbli. Twaqqfet anki paġna ta’ Go Fund Me, biex jinġabru fondi għal Schembri u familtu.
Ritratt: Ian Noel Pace