Aġġornata: Il-Pulizija riedet tressaq lil John Dalli waħdu

L-Ispettur Angelo Gafà kellu struzzjonijiet mill-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo biex imur jarresta lill-Kummissarju Ewropew ta’ dak iż-żmien John Dalli. Kellu wkoll il-parir verbali tal-Avukat Ġenerali, f’Diċembru 2012, li mbagħad wasallu bil-miktub fil-11 ta’ Jannar 2013.
L-Ispettur Angelo Gafà qal dan quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi tal-Parlament bi tweġiba għal mistoqsijiet mid-deputat Nazzjonalista Chris Said f’isem l-Oppożizzjoni.
Meta mar biex jarresta lil John Dalli ma sabux u rriżulta li kien ħalla Malta.
Il-Pulizija kienet riedet tkompli tinvestiga u mbagħad tressaq lil John Dalli l-Qorti, separatament minn Silvio Zammit.
Il-Kumitat tal-Privileġġi qed jinvestiga jekk kienx hemm ksur ta’ privileġġ mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
F’Settembru tal-2013, il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament kien allega li kien hemm indħil politiku mal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien Peter Paul Zammit li wassal biex ma komplewx l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fil-konfront tal-eks Kummissarju Ewropew John Dalli b'rabta ma' talba għal tixħim biex tinbidel direttiva Ewropea.
L-Ispettur Angelo Gafà kien wieħed minn erba’ uffiċjali li kienu qed jinvestigaw il-każ wara r-rapport tal-OLAF fil-konfront ta’ Silvio Zammit u  John Dalli.
L-Ispettur Angelo Gafà spjega li hu kien diġà ħejja d-draft charges fil-konfront ta’ John Dalli iżda l-Pulizija ma setgħetx tipproċedi minħabba li Dalli kien qed jippreżenta ċertifikat mediku wara l-ieħor.
Qal li kien issuġġerixxa li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ John Dalli u l-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo kien qallu biex jerġa’ jkellmu ġimgħatejn wara. Sadattant imma, Rizzo ma baqax fil-kariga ta’ Kummisssarju tal-Pulizija.
Spjega li iktar tard kien inħareġ mandat ta’ arrest ieħor fil-konfront ta’ John Dalli li kien ġie mitkellem fil-21 ta’ Mejju 2013 mill-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid Peter Paul Zammit u l-istess Angelo Gafà, ġurnata qabel il-mandat kellu jiskadi.
Angelo Gafà qal li dakinhar, il-Kummissarju tal-Pulizija beda jkellem lil Dalli mingħajr ma tah caution u allura dak li ħareġ ma setax jiġi ppreżentat fil-Qorti.
Qal ukoll li l-mistoqsijiet waqt din l-intervista ta’ siegħa kienu kollha b’mod ġenerali u ma kien ħareġ xejn li l-Pulizija ma kellhiex diġà f’idha.
Angelo Gafà kien imbagħad informa lill-Kummissarju tal-Pulizija bil-ħsieb tiegħu dwar nuqqasijiet fl-intervista.
Qal li l-Pulizija kienet waslet għal kompromess, li miegħu Gafà kien qabel wara li kien dirett mill-Kummissarju Zammit, li l-Pulizija kellha tistenna l-eżitu tal-każ kontra Silvio Zammit biex imbagħad, skont dak li jirriżulta, il-Pulizija tiddeċiedi kif għandha timxi fil-każ ta’ Dalli.
Angelo Gafà kien ġie trasferit għal xogħol ġdid li beda fl-10 ta’ Ġunju 2013. Fis-7 ta’ Ġunju kien għadda l-każ lill-kollega l-Ispettur Jonathan Ferris kif kellu direzzjoni jagħmel.
Spjega li fit-8 ta’ Ġunju 2013 il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit fil-programm televiżiv Dissett kien qal li l-każ fil-konfront ta’ John Dalli kien magħluq fuq parir tal-Avukat Ġenerali.
Spjega wkoll li l-Kummissarju tal-Pulizija qatt ma kien ikkonsulta miegħu jew qallu li kien se jagħmel xi dikjarazzjoni ta’ dak it-tip. Qal ukoll li qatt ma kien preżenti f’xi laqgħa fejn l-Avukat Ġenerali kien ta xi parir bil-kontra ta’ dak li kien ta f’Diċembru 2012 u f’Jannar 2013.
Fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat tal-Privileġġi, fil-11 ta’ Frar fis-1.30pm, huma mitluba jixhdu l-Avukat Ġenerali Peter Grech u l-Assistent Avukat Ġenerali Donatella Frendo-Dimech.
Fl-aħħar laqgħa xehed l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Joe Cachia.