Il-Pulizija qed tinjora talbiet għal protezzjoni – Repubblika

Read in English.

Il-pulizija qed tinjora talbiet għal protezzjoni minn avukati, membri parlamentari, ġurnalisti u attivisti li huma taħt theddida. Dan qalitu l-għaqda mhux governattiva Repubblika li fi stqarrija qalet li dawn it-talbiet ta’ protezzjoni qed jaslu minn persuni li jaħdmu f’oqsma li jesponuhom għal riskju ta’ theddid ta’ tpattija lilhom jew lill-familji tagħhom biex ma jitħallewx jaqdu dmirhom.

L-għaqda Repubblika qalet li l-Gvern kellu jieħu tagħlima minn dak li ġara sentejn ilu lil Daphne Caruana Galizia u jimpenja lilu nnifsu biex jipproteġi d-demokrazija biex dak li seħħ ma jirrepetix ruħu. L-istqarrija tkompli li l-awtoritajiet qed jieħdu attitudni leġġera fejn tidħol is-sigurtà ta’ xhieda materjali li jistgħu jgħinu biex tinkixef il-verità dwar il-qtil ta’ Daphna Caruana Galizia. Dan l-aġir minnu nnifsu huwa theddida għas-sigurtà tan-nies li qed ifittxu l-verità.

Repubblika tfakkar li l-ewwel obbligu tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-forzi kollha tas-sigurtà huwa lejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta, indipendentament mill-interessi partiġġjani jew personali. Għalhekk dawk li jmexxu l-forzi tas-sigurtà huma personalment responsabbli għal kull ħsara li tista’ tiġri lil min qed jiġi mhedded minħabba s-servizz li qed jagħti lill-poplu.