Il-Pulizija qed tfittex raġel li ħarab miċ-ċentru ta’ detenzjoni

Matul il-lejl li għadda, ħarab raġel li kien qed jinżamm fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Intern qal li qed issir investigazzjoni mill-Pulizija u nħatret inkjesta maġisterjali, immexxija mill-Maġistrat Tonio Micallef Trigona.
Il-Ministeru qal li sadanittant, se jittieħdu passi dixxiplinarji kontra xi individwi li kienu responsabbli miż-żamma tas-sigurtà fiċ-ċentru fil-ħin tal-inċident.
Il-Pulizija bħalissa għaddejja bit-tfittxija tagħha għal dan ir-raġel.