“Il-Pulizija naqset milli tinforma lill-pubbliku” – il-PN

Read in English.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista insistiet li l-Pulizija tinforma lill-midja b’dak li ġara wara dik li sejħet bħala “interrogazzjoni kriminali” tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Fi stqarrija maħruġa mill-kelliem tal-Oppożzzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami, il-Partit Nazzjonalista qal li mal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija ġdid, il-poplu kien ġie assigurat mill-istess Kummissarju li huwa kommess li l-Korp iżomm kuntatt u komunikazzjoni kontinwa mal-midja u jaġġornaha dwar ħidma li tkun għaddejja.

Kien għalhekk li l-PN insista li f’din is-sitwazzjoni l-Korp kellu “jinfurmaw u jaġġornaw lill-pubbliku b’dak li qed iseħħ sabiex kulħadd ikollu s-serħan tal-moħħ li dawk kollha involuti fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, direttament jew indirettament, anke b’att ta’ ommissjoni ssir ġustizzja magħhom”. 

Il-Ġimgħa, l-eks PM Joseph Muscat ġie interrogat fid-Depot tal-Pulizija.

Il-kummenti ta’ Joseph Muscat hu u ħiereġ mid-Depot
Filmat: Joseph Muscat jispjega għaliex issejjaħ id-Depot

Fenech Adami qal fl-istqarrija li f’pajjiż normali meta jkun hemm eks prim ministru interrogat fuq każ ta’ qtil ta’ ġurnalista, tkun il-Pulizija stess li tinforma lill-pubbliku b’dan l-iżvilupp.

L-istqarrija ttemm tgħid li “dan is skiet min-naħa tal-Korp jinkwieta lill-poplu”.