Filmat: L-aħħar dettalji tal-hold up f’Tignè

Impjegat ta' stabbiliment tal-ġojjellerija fi Pjazza Tignè weġġa' f'hold up li seħħ fl-10 ta' dalgħodu, fejn anke nstemgħu xi tiri.
Żewġ persuni, allegatament armati b'armi tan-nar, daħlu fil-ħanut Diamonds International u serqu ammont ta' ġojjellerija.
Minn informazzjoni li Newsbook.com.mt kiseb minn fuq il-post, id-displays tal-ġojjellerija tkissru b'martell mill-ħallelin.
Hekk kif ħargu mill-ħanut, il-ħallelin sabu raġel ta’ 45 sena li pprova jwaqqafhom, iżda dawn aggredewh b’oġġett iebes u ħarbu minn fuq il-post permezz ta’ vettura.
Fuq il-post issejħet ambulanza, li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi ħfief.
Żewg impjegati oħra li kienu fil-ħanut waqt is-serqa: raġel ta’ 55 sena mill-Gżira u raġel ta’ 33 sena min-Naxxar, ma sofrew l-ebda ġrieħi, ħlief xokk.
Infurmati wkoll li l-karozza tal-ħallelin instabet il-Gżira. 
Il-Pulizija fuq il-post għalqet parti kbira mill-pjan b'kurdun (security tape), u elevat l-filmati mill-kameras tas-sigurtà.
Fuq barra tal-ħanut kien hemm għal ħin twil il-persuna responsabbli mill-istabbiliment u erba' impjegati oħra tal-fergħa.
Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali. 
Filmat: Ian Noel Pace