Aġġornata: Il-Pulizija mitluba tieħu passi kontra l-Ispettur li ressaq persuna li għamlet reat

Aġġornat 18:30

F’reazzjoni għal dak li qal il-kelliem għall-Oppożizzjoni, il-Ministru tal-Intern, Manuel Mallia qal li ma xtaqx illi jikkumenta la favur u l-anqas kontra dan ir-rapport. Hu kompla li dan ir-rapport hu wieħed li jagħti opinjoni fuq dak il-ġara w issa l-każ jiġi deċiż mill-Bord Dixxiplinarju tal-Ministeru tal-Intern. 

Aġġornat 17:30

F’Konferenza tal-Aħbarijiet, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Jason Azzopardi qal li l-Bord maħtur mill-Gven sab ħati uffiċjal tal-Pulizija li qeda dmiru u ressaq il-qorti persuna li wettqet reat.

Dan ir-rapport qaleb il-verità ta’ taħt fuq u minflok ma investiga r-raġuni l-għaliex jumejn qabel uffiċjali tac-CID ressqu l-persuna żbaljata investiga lil min qeda dmiru. Jason Azzopardi kompla jgħid illi r-rapport jidentifika numru ta’ nuqqassijiet fil-konfront tal-Korp tal-Pulizija u saqsa min se jkun qiegħed iġorr r-responsabbilità. 

Aġġornat 17:00 

B’reazzjoni għal konkluzjonijiet tar-rapport tal-Bord tal-Pulizija, l-avukat  tal-Ispettur Elton Taliana, Joe Zammit Maempel, li l-klijent tiegħu, informa mill-ewwel lil Qorti li kien hemm persuna ohra li tressqet fuq l-istess rejat u li din il-persuna kienet qed tinżamm il-ħabs.

L-avukat Maempel qal li l-unika awtorità li setgħet teħles lil Darryl Luke Borg mill-ħabs kienet il-Qorti.  Hu kompla li l-Ispettur Taliana mexa skont ma tordnalu l-liġi u l-Bord tal-Puliżija ikkonkluda l-Ispettur messu kiser il-liġi.

L-Avukat Maempel temm jgħid illi fil-jiem li ġejjin se jkun qed jara li jsir skrutinju ta’ dan ir-rapport mill-qrati indipendenti. 

Aktar kmieni

Fil-konklużjoni tal-investigazzjoni dwar l-arrest bi żball ta’ Darryl Luke Borg, aktar kmieni dan ix-xahar, il-Bord tal-Pulizija qed jitlob li jittieħdu passi kontra l-Ispettur Elton Taliana, li kien l-Ispettur li ressaq il-persuna l-proprja li wettqet hold up f’ħanut f’Birkirkara, fis-7 ta’ Awwissu.

Skont il-Bord tal-Pulizija, in-nuqqasijiet f’dan il-każ kienu dovuti għan-nuqqas tal-Ispettur Taliana li għażel, li minflok jikkopera ma’ uffiċjali fil-Korp, baqa’ għaddej waħdu u ressaq lill-Roderick Grech, akkużat bl-istess reat minkejja li kien jaf illi diġà hemm Daryl Luke Borg akkużat bl-istess każ.  

Fil-konkluzjonijiet tiegħu il-Bord, qal li huwa tal-opinjoni li kien hemm nuqqas serju fil-proċeduri li mxew magħhom il-pulizija meta ressqu separatament żewġ persuni fuq l-istess reat. Il-Bord qal li kien ukoll nuqqas serju li Darryl Luke Borg inżamm il-ħabs akkużat b’reat, meta fl-istess żmien il-pulizija kienet taf li din il-persuna ma kinitx ħatja.

Fi stqarrija separata, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li l-Kummissarju tal-Pulizija jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Pulizija u f’dan l-istadju jitlob parir lill-Avukat Ġenerali jekk għandhomx jittieħdu passi kriminali jew le.

L-istqarrija tkompli tgħid li dan in-nuqqas hu meqjus bħala wieħed gravi li jista’ jwassal saħansitra għat-tkeċċija ta' Pulizija Mill-Korp.

Għal aktar dettalji tista' tniżżel ir-rapport sħiħ minn hawn taħt.