“Il-Pulizija missha diġà bagħtet għal Keith Schembri u Silvio Valletta”

Melvin Theuma Keith Schembri Silvio Valletta

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal li wara s-seduta fil-Qorti dalgħodu, fejn xehed is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia Melvin Theuma u semma lil nies bħal Keith Schembri u Silvio Valletta, il-Pulizija missha diġà bagħtet għalihom biex tinterrogahom.

Fi stqarrija mibgħuta lill-midja, Cassola stqarr li bħala Prim Ministru, Robert Abela ma jistax jgħatti lil dawn “l-assassini.” Stqarr li kollox qed isir iżjed ovvju wara din ix-xhieda, u nies bħal l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta misshom jiġu interrogati mill-Pulizija u eventwalment arrestati.

Cassola semma wkoll lil Kenneth Camilleri u Johann Cremona, li isimhom ukoll feġġ fix-xhieda ta’ Theuma. Camilleri kien impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, filwaqt li Cremona huwa involut fis-settur tal-gaming, b’rabtiet mal-każinò ta’ Fenech. L-impressjoni ta’ Theuma kienet li Camilleri kien jaf b’kollox dwar l-assassinju. Qal li kien Cremona li introduċieh ma’ Camilleri.

Cassola sostna li jekk il-Pulizija għadha ma ħaditx dan il-pass, il-Prim Ministru missu jiddixxiplinahom. Jekk Abela ma jagħmilx dan, skont Cassola, “ikun kompliċi ieħor jgħatti lil dawk involuti.”

X’ħareġ fil-Qorti?

Fix-xhieda tiegħu, Melvin Theuma semma lil Keith Schembri numru ta’ drabi. Qal li Schembri ġieli ċempel lil Fenech meta dan kien ma’ Theuma. Qal li Fenech Schembri kesaħ meta Fenech infurmah bil-qtil, u li Fenech qallu li Schembri mar jitkixxef mal-Imħallef Antonio Mizzi minħabba x-Xiħ (Joseph Muscat). Apparti dan, skont Theuma, Fenech qal li Keith Schembri kien jaf b’kollox.

Dwar Silvio Valletta, Melvin Theuma qal li kien jgħaddi informazzjoni fuq il-każ lil Yorgen Fenech, maħsub li huwa l-moħħ wara dan l-assassinju.

“Niċħad li qatt għaddejt informazzjoni lil terzi persuni” – Valletta

L-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta rreaġixxa għal dak li nstema’ fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u ċaħad li hu qatt għadda xi informazzjoni fuq il-każ lil terzi persuni.

Ix-xahar li għadda, rapporti żvelaw li Valletta u Fenech siefru flimkien darbtejn biex jaraw logħob tal-futbol, meta Valletta kien għadu jokkupa l-kariga u kien għadu qed imexxi l-investigazzjoni fuq l-assassinju tal-ġurnalista. Dak iż-żmien Fenech kien diġà identifikat bħala persuna ta’ interess fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista. Valletta kkonferma mal-istess ġurnal li hu siefer ma’ Fenech, iżda stqarr li ħallas hu u li kien ilu minn Ġunju tal-2018 ma jaħdem fuq il-każ. Rapport ieħor kien qal li Fenech iffilmja lil Silvio Valletta jikkummiedja bħallikieku huwa s-sid tar-Rolls Royce ta’ Fenech. Il-filmat ittieħed mill-mowbajl ta’ Fenech u kien intbagħat lill-Prim Ministru għall-investigazzjoni.

Dan kollu wassal lil Justyne Caruana biex tirreżenja minn Ministru għal Għawdex ġimgħa biss wara li ħadet il-ġurament tal-ħatra. Caruana hija mart Valletta.

Il-Pulizija mbagħad ħabbret li qed tinvestiga lil Silvio Valletta b’rabta mal-każ.

Fi stqarrija mibgħuta lill-midja wara x-xhieda ta’ Melvin Theuma, Valletta qal li l-unika informazzjoni li għadda kienet waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Tenna li seta’ jagħmel dan qabel it-13 ta’ Ġunju tal-2018, peress li minn dakinhar ‘l hemm ma baqax parti mill-investigazzjoni.

“Inħallu l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom” – Il-Prim Ministru

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jħalli lill-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt fuq ir-reazzjoni tiegħu għal dak li ħareġ mill-Qorti, il-Prim Ministru qal li l-prijoritajiet tiegħu huwa li jmexxi l-pajjiż, li joħloq il-ġid u li jżid l-akkomodazzjoni soċjali. Sostna li xogħol il-Kabinett tal-Ministri huwa li jara li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem, filwaqt li jħallu l-Qorti taħdem indipendentament.

Filmat: Miguela Xuereb, Ġurnalist: Christoph Schwaiger