Il-Pulizija mhux se tieħu passi dwar ir-rapport tal-BirdLife

Aġġornat 09:10 PM
Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Read in English.

Il-Pulizija ħabbret li mhux se tieħu passi ulterjuri dwar il-kwerela tal-BirdLife Malta.

Ilbieraħ il-BirdLife Malta ppreżentat kwerela lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jirtira l-liċenzji tal-kaċċa kollha maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex.

Fi stqarrija maħruġa llum, il-Pulizija qalet li analizzat fil-fond il-kontenut tal-kwerela u qieset iċ-ċirkustanzi kollha. Il-Pulizija waslet għall-konklużjoni li m’hemmx lok li jittieħdu passi ulterjuli min-naħa tagħha dwar iċ-ċirkostanzi.

Il-BirdLife kienet ressqet protest ġudizzjarju fil-Qorti b’rabta mad-deċiżjoni li l-Prim Ministru Robert Abela jpoġġi lil Clint Camilleri, il-Ministru għal Għawdex, bħala refolatur tal-kaċċa. BirdLife Malta spjegat li ħasset il-bżonn li issa tissottometti kwerela minħabba li l-liċenzji tal-kaċċa ħarġu mill-Ministeru għal Għawdex, meta skont il-liġijiet ambjentali ta’ Malta, il-Ministru għal Għawdex m’għandu l-ebda dritt legali biex joħroġ dan id-dokument.

Il-BirdLife Malta ppubblikat ir-risposta li rċeviet mill-Pulizija:

L-għaqda qalet li qed tieħu parir dwar l-aħjar triq ‘il quddiem sabiex tindirizza l-każ fil-Qrati.

Fi stqarrija separata l-BirdLife Malta kkundannat dak li ddeskriviet bħala attakki kontriha minn żewġ Ministru u MEPs tal-Gvern Laburista wara li ressqet il-kwerela lill-Pulizija. L-għaqda qalet li dan kien attentat ċar ta’ intimidazzjoni intiż li jinċità l-mibegħda kontriha.

Kwerela bla bażi – KSU

Fi stqarrija l-għaqda Kaċċaturi San Ubertu (KSU) qalet li ħadet parir legali dwar il-pass tal-BirdLife Malta. Il-kSU qalet li l-kwerela hi bla bażi u li hi intenzjonata biex itelleff il-ħin tal-Pulizija.

Il-KSU qalet li tħeġġeġ lil-awtoritajiet jieħdu azzjoni kontra “tali estremiżmu li jservi biss biex iħammeġ isem Malta, joħloq il-mibegħda u jxekkel l-attivitajiet legali ta’ settur sostanzjali ta’ cittadini Maltin.”