Il-pulizija mhux se jibqgħu jispezzjonaw ir-ristoranti

Issa f'idejn l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu

Miguela Xuereb

Read in English.

L-uffiċjali tal-pulizija issa mhux se jibqgħu jispezzjonaw ir-ristoranti u l-istabbilimenti tal-ikel biex jaraw li dawn qed jimxu mal-miżuri meħudin biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus. Dan issa se jkun f’idejn l-uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biss.

Ittra mibgħuta lill-uffiċjali tal-pulizija mill-Kummissarju Angelo Gafà, li waslet għand Newsbook.com.mt, tgħid li issa l-pulizija se jibqgħu jinfurzaw biss l-ilbies tal-maskri u l-limitu ta’ sitt persuni fi gruppi f’postijiet pubbliċi. Il-bqija jaqa’ taħt l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Meta l-pulizija jaslulhom rapporti ta’ ksur ta’ avviżi legali fir-rigward ta’ ristoranti, stabbilimenti tal-ikel, jew li qed jiġi servut l-alkoħol meta mhux suppost, dawn għandhom jgħaddu dawn ir-rapporti lill-MTA.

Il-ġimgħa li għaddiet, ġew introdotti miżuri restrittivi ġodda sabiex titrażżan l-imxija tal-virus, li huma li l-bars u l-każini għalqu għal xahar, minn nhar il-Ħamis li għadda, u jerġgħu jiftħu fl-1 ta’ Diċembru, u li fil-pubbliku, jista’ jkun hemm gruppi b’massimu ta’ sitt persuni.

L-isnack bars u l-gabbani baqgħu miftuħin, madankollu ma jistgħux jipprovdu, joffru jew ibigħu kwalunkwe tip ta’ xorb alkoħoliku lill-klijenti u għandhom jagħlqu bejn il-11pm u l-5am.