Il-Pulizija ma tweġibx dwar allegat klijenteliżmu fil-Ministeri

Newsbook.com.mt baqa’ bla risposta wara li kkuntattja lill-Pulizija kemm-il darba sabiex jistaqsi jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux jinvestiga l-allegat klijenteliżmu fil-Ministeru għall-Intern li lmenta miegħu dwaru d-Deputat Kap tal-Partit Demokratiku Thimothy Alden.
X’kienet tgħid it-telefonata?
Skont Alden, meta rċieva t-telefonata qalulu dan il-kliem: “Qed inċemplulek mill-Ministeru għall-Intern f’isem il-Ministru. Il-Ministru jixtieq ikun jaf jekk għandekx bżonn xi ħaġa, jew jekk jistax jagħmel xi ħaġa għalik”.
Dwar dan, Alden kien qal li bagħat ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga. 
L-ewwel darba li Newsbook.com.mt bagħat imejl lill-Pulizija dwar il-każ kien fl-1 t’April, u l-Pulizija kienet wieġbet li ma rċeviet l-ebda ilment mingħand Alden. 
Jieqfu jaslu r-risposti mill-Pulizija
Newsbook.com.mt reġa’ staqsa lill-Pulizija jekk l-ittra li Alden qal li bagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar hix biżżejjed biex il-Pulizija tinvestiga. 
Għall-imejl tat-13 ta’ April u żewġ telefonati, Newsbook.com.mt qatt ma rċieva bil-miktub li “l-imejl qed tiġi proċessata” minkejja konferma li waslet għand il-Korp. 
Propju fl-20 t’April, Alden qal li mar jagħmel ir-rapport uffiċjali lill-Pulizija. Stqarr li kien hemm uffiċjal tal-Pulizija li qallu li anke hu kien irċieva l-istess telefonata mill-Ministeru.
Dakinhar stess, Newsbook.com.mt reġa’ kkuntattja lill-Pulizija jistaqsi dwar l-ittra, jekk jikkonfermawx li daħal rapport u jekk hux se jibdew xi investigazzjonijiet relatati mal-każ. Madanakollu l-Pulizija baqgħet ma bagħtitx tweġiba, lanqas bil-frażi tas-soltu li tkun qed tiġi proċessata.
Fit-23 ta’ April, kelliema għall-Pulizija kkuntattjat lil Newsbook.com.mt tistaqsi għal aktar dettalji dwar ir-rapport sabiex il-mistoqsijiet jiġu pproċessati, madanakollu risposta tal-mistoqsijiet jew notifika tal-ipproċessar sal-ħin tal-publikazzjoni kienet għadha ma waslitx.
Alden b’laqgħa mal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni
Dalgħodu Alden attenda għal laqgħa mal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni u rrimarka li qalulu li “kull Ministeru għandu dipartimenti għas-servizz tal-klijenti”.
“Bosta qed jibżgħu jitkellmu”
Fil-messaġġ tiegħu, Alden sostna li bosta qed jibżgħu jitkellmu dwar is-suġġett tal-klijenteliżmu iżda li hu se jkun qed jagħmel minn kollox sabiex jagħmilha aktar faċli għal xhieda oħra bħalu biex jitkellmu. Sostna li b’hekk issir il-pressjoni neċessarja biex il-każ jiġi investigat aktar.
Fl-aħħar ġimgħat, Alden insista li dan il-pass qed jieħdu mhux għax irid iħammeġ jew jagħmel ħsara lill-persuni li qed jagħmlu dawn it-telefonati, hekk kif sostna li dawn qed isegwu d-direzzjoni ta’ min hu fuqhom.
Fi stqarrija, appella lil dawk kollha li rċevew telefonati simili kemm mis-servizzi ċivili, kif ukoll mill-Gvern, sabiex jikkuntattjawh fuq justiceformelite@gmail.com justiceformelite@gmail.com. Sostna li hemm bżonn li kulħadd irabbi l-kuraġġ u jitkellem, mhux biex jattakka persuna individwali imma biex toħroġ il-verità dwar dawn is-sistemi li bosta jagħlqu għajn waħda għalihom.