Il-Pulizija ma tgħidx li qed tinvestiga ta’ min hi Egrant

Il-Pulizija fi stqarrija qalet li qed tinvestiga, fost l-oħrajn, ir-relazzjoni ta’ Keith Schembri ma’ Brian Tonna; ta’ Keith Schembri ma’ Adrian Hillman; il-Bank Pilatus; u r-relazzjoni tal-kumpanija 17 Black ma’ Hearnville Inc. u Tillgate Inc li kienu l-investigazzjonijiet l-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi.

“Importanti nsiru nafu ta’ min hi Egrant”

Iżda fl-istess stqarrija l-Pulizija mkien ma semmiet li qed tinvestiga biex issib ta’ min kienet il-kumpanija Egrant. L-inkjesta li kien talab il-Prim Ministru kienet biex teżamina jekk il-kumpanija hix ta’ xi ħadd tal-familja Muscat iżda ma ntalbitx issib ta’ min hi.

Osservaturi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalulna li bla dubju ta’ xejn, il-Pulizija missha qed tinvestiga ta’ min hi Egrant għax din hija ta’ interess kbir pubbliku aktar u aktar issa li qed joħorġu ħafna intriċċi bejn persuni mlaħħqa fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kriminali.

Newsbook.com.mt innota wkoll illi fl-istqarrija tal-Pulizija, imkien ma jingħad illi qed jinvestigaw biex jaraw minn għamel b’mod qarrieq l-isem ta’ Michelle Muscat fuq id-dikjarazzjoni dwar il-kumpanija Egrant.

“Importanti ħafna li nsiru nafu ta’ min hi Egrant”, qalulna l-istess sorsi, waqt li żiedu jgħidu wkoll li “importanti ħafna li nsiru nafu wkoll min iffalsifika l-firma ta’ Michelle Muscat.”

Investigazzjonijiet għadhom għaddejjin

Il-Pulizija fl-istqarrija tagħha qalet li ir-rapport sħiħ dwar l-Inkjesta Egrant ġie riferut lill-Korp tal-Pulizija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali immedjatament dakinhar stess li l-Inkjesta ġiet mgħoddija mill-Maġistrat Inkwirenti lill-Avukat Ġenerali. Il-Pulizija qalet li bdiet teżamina r-rapport mill-ewwel. Ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet kollha tal-inkjesta għadhom qegħdin jiġu investigati b’mod attiv mill-Pulizija nnifisha jew flimkien ma’ Maġistrati Inkwirenti oħrajn jew ma’ awtoritajiet oħra kompetenti, qalet l-istqarrija tal-Pulizija.

Rakkomandazzjonijiet oħrajn qed jiġu investigati mill-Pulizija stess jew flimkien ma’ aġenziji u awtoritajiet oħra. Il-Pulizija diġà tkellmet ma’ numru ta’ persuni dwar dawn l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

Il-Pulizija qalet li tixtieq tagħti aktar dettalji dwar ix-xogħol li qed twettaq iżda ma tistax tagħmel hekk f’dan il-mument peress li jistgħu jkunu ta’ detriment għall-investigazzjonijiet li għaddejjin, anke minħabba li l-Pulizija ta’ Malta hija legalment marbuta bis-segretezza li ma tiżvelax ċerti dettalji.