“Il-Pulizija ma kellhiex tieqaf tinvestiga rapport tal-FIAU” – Avukat

L-avukat Bernard Grech qal li l-Pulizija mhux biss għandha tkompli tinvestiga rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), iżda għandha l-obbligu li tagħmel dan anke jekk maġistrat tal-Qorti jkun qed jinvestiga l-istess każ.
Fil-programm Follow Up fuq RTK 103FM, Dr Bernard Grech ta r-reazzjoni tiegħu għall-kummenti li dehru fil-midja fejn l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla ġie kkwotat jgħid li ma tagħmilx sens li l-Pulizija tkompli tinvestiga każ tal-FIAU, jekk hemm inkjesta maġisterjali.
Dr Grech spjega li l-Korp tal-Pulizija huwa awtonomu u sostna li mhuwiex ġustifikat li l-Pulizija tieqaf tinvestiga jekk l-istess każ tkun qed tarah il-Qorti.
Tkellem ukoll dwar il-pożizzjoni legali tal-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, wara li ppreżenta lill-Maġistrat Aaron Bugeja rapport tal-FIAU dwar allegati kummissjonijiet illeċiti li rċevew il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Dr Bernard Grech spjega li l-liġi li tirregola l-Aġenzija Maltija kontra l-Ħasil tal-Flus, titkellem b’mod ċar dwar l-obbligi tas-segretezza li torbot lill-uffiċjali waqt u wara li jkunu impjegati mal-FIAU. Madankollu sostna li billi David Casa qatt ma kien uffiċjal tal-FIAU, allura huwa ma jaqax taħt il-parametri ta’ din il-liġi.
Meta mistoqsi dwar jekk kinitx ġustifikata l-azzjoni ta’ David Casa meta mar għand il-Maġistrat, Dr Grech wieġeb li ma jistax jingħad għax għadu mhux magħruf x’informazzjoni ġiet ippreżentata u x’intqal bejn l-istess Casa u l-Maġistrat inkwerenti.