Ebda permess tal-Pulizija għat-tiġrijiet taż-żwiemel fl-Imrieħel

Il-Ministru għall-Intern Manuel Mallia qal li l-Pulizija ma ħarġet l-ebda permess biex isiru tiġrijiet taż-żwiemel fil-bypass tal-Imrieħel.  
Bi tweġiba għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, il-Ministru Mallia qal li jkun aħjar jekk issir mistoqsija oħra lill-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali.  
Il-mistoqsija ta’ Cutajar saret wara li s-Sibt 15 ta’ Marzu, il-bypass tal-Imrieħel ingħalqet għal sitt sigħat sħaħ biex ikunu jistgħu jsiru t-tiġrijiet taż-żwiemel.

Minħabba t-traffiku li kien hemm f’bosta rħula fiċ-ċentru ta’ Malta, kienu bosta l-istudenti li spiċċaw biex marru tard għall-ewwel eżamijiet orali tal-MATSEC. Kien hemm min dam madwar sagħtejn imwaħħal fit-traffiku. Dakinhar kien weġġa’ wkoll żiemel u anke xi persuni.

Bi tweġiba għal mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt Transport Malta kienet wieġbet li “t-tlielaq taż-żwiemel fit-toroq Maltin u Għawdex hi prattika li ilha ssir għal diversi snin.”  
Qalet ukoll li “f’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ polza regolatorja, l-Awtorità tat-Trasport ma oġġezzjonatx għal din il-prassi u għaldaqstant, ġew segwiti l-proċeduri li ilhom jiġu pprattikati matul is-snin.”

Mistoqsija għal-liema raġuni l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ma oġġezzjonax li jsiru t-tiġrijiet, is-Sindku Rosianne Cutajar wieġbet li  “t-tiġrija saret fi triq arterjali u  ġaladarba Transport Malta aċċettat, il-Kunsill legalment ma kellux raġuni għaliex joġġezzjona.”