“Il-Pulizija li jagħmlu atti erojċi, irid ikollhom prinċipji sodi” – l-Arċisqof

L-Arċisqof Pawlu Cremona qal li l-libertà tinsab fil-qofol tad-dinjità tal-bniedem. Spjega li l-libertà hija mezz biex il-bniedem jiżviluppa u jagħmel l-għażliet tiegħu.
Waqt l-omelija fl-okkażjoni ta’ Jum il-Pulizija fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof tkellem dwar l-irwol tal-pulizija u faħħar l-għemejjel ta’ kuraġġ li jagħmlu ħafna membri tal-Korp.
L-Arċisqof qal li biex jiddefendu d-dritt tal-libertà ġusta, min jaf kemm il-pulizija ssograw ħajjithom f’dawn il-mitejn sena li ilu mwaqqaf il-korp.
Spjega kif uħud mill-Pulizija li għamlu dan kollu, sabu s-saħħa u l-kuraġġ fihom infushom. Iżda jgħid li kien hemm ħafna uffiċjali oħra li dan il-kuraġġ waslu għalih bis-sens tal-fidi Nisranija tagħhom.
Żied jgħid li biex uffiċjal tal-pulizija jasal biex jagħmel atti erojċi, irid ikollu prinċipji sodi. Qal li ma jkunux biss iċ-ċirkustanzi tal-mument li jġegħluh jagħmel dan, iżda l-prinċipji li jkun intrabat magħhom.
L-Arċisqof Cremona temm jgħid li dawn il-valuri jagħmlu lill-pulizija lest biex f’kull ċirkustanza jaġixxi skont dak li hu tajjeb u mhux biss skont dak li jitlob minnu d-dover. Sostna li jekk wieħed iħalli l-ħażen jidħol ġewwa fih, isir korrott.

Ritratti: Photocity – Valletta