Il-Pulizija kontra t-terroriżmu tarresta raġel akkużat bit-traffikar tan-nies

Aġġornat 03:12 PM
Luke Zerafa

Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu arrestat raġel li qed jiġi akkużat li kien involut fit-traffikar tan-nies.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li arrestat raġel mis-Sirja ta’ 48 sena. Kien qed jiġi mfittex b’Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-Ungerija.

Il-mandat jgħid li kien qed jiġi mfittex fuq traffikar ta’ persuni kif ukoll li ffaċilita permessi ta’ dħul u residenza llegali.

Ir-raġel tressaq il-Qorti llum.

Kien ilu jgħix Malta sitt xhur

Fil-Qorti nstema’ kif ir-raġel li għandu 48 sena kien ilu jgħix Malta sitt xhur. Hu ġie arrestat fuq il-post tax-xogħol tiegħu f’Ħad-Dingli.

Ir-raġel talab għall-ħelsien mill-arrest però l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba r-riskju li seta’ jaħrab. It-talba tiegħu ġiet miċħuda mill-Qorti.

Il-proċedimenti tal-estradizzjoni mistennija jkomplu fil-jiem li ġejjin.