Il-Pulizija kienet taf bil-protesta – attivisti; Ma talbux permess – Pulizija

Miguela Xuereb

Read in English.

Filwaqt li l-Pulizija qed tgħid li t-tliet għaqdiet li organizzaw il-protesta waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Repubblika fil-Belt Valletta ma talbux permess, l-għaqdiet sostnew li l-Pulizija kien ilha jumejn avżata bil-protesta.

Propju dalgħodu, il-Korp tal-Pulizija bagħat stqarrija jgħid li sakemm saret il-protesta lbieraħ filgħodu, l-organizzaturi ta’ din il-protesta ma applikawx għall-permess “kif dejjem isir u kif dejjem sar”. L-istess stqarrija kompliet billi kkonfermat li jumejn qabel il-protesta, saret laqgħa bejn il-Pulizija u l-organizzaturi tal-protesta.

Repubblika, #OccupyJustice u manueldelia.com irreaġixxew għall-istqarrija tal-Pulizija u rrimarkaw li ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum ir-Repubblika huma organizzati mill-Kumitat Festi Nazzjonali u li hu preżunt li għalihom kien hemm permess tal-Pulizija. Qalu li kull ċittadin Malti u Għawdxi jkun mistieden jattendi. Sostna li m’hemm xejn fil-liġi li tgħid li xi ħadd li jattendi attività ma jistax jipprotesta b’leħnu, isaffar jew iżomm f’idejh kartelluni.

L-għaqdiet irrimarkaw li la l-Kummissarju u l-pulizija ma kellhomx oġġezzjoni meta kienu qed jispjegawlhom li ma kien hemm l-ebda bżonn li japplikaw għal permess biex jipparteċipaw f’ċelebrazzjoni li hija ta’ kulħadd. Insistew li ma jidrilhomx li bil-parteċipazzjoni tagħhom kisru xi liġi. Sostnew li jekk dan huwa l-każ, il-Kummissarju tal-Pulizija huwa mistieden li jarrestahom u jakkużahom li wettqu reat. Qalu li jekk iżda huma ma kisru l-ebda liġi, mela hu mitlub jieqaf “jipprova jitfa’ dell ikrah fuq iċ-ċittadini li qed jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom kif garantiti mill-Kostituzzjoni ta’ Malta.

X’ġara fil-laqgħa li l-attivisti kellhom mal-Pulizija?

Robert Aquilina, rappreżentant ta’ Repubblika, qal ma’ Newsbook.com.mt li nhar l-Erbgħa li għadda filgħodu l-Kummissarju tal-Pulizija talbu jiltaqa’ miegħu. Il-laqgħa saret fil-11.30am, fejn kien hemm preżenti wkoll Marion Pace Asciak, id-Deputat Kummissarju, Assistant Kummissarju u Supretendent.

Spejga li x’ħin daħlu fl-uffiċċju tal-Kummissarju, hu qalilhom li kien inkwetat ħafna. Qalilhom li jekk kienu se jitlobu permess għall-protesta kien se jirrifjutah. Qalilhom ukoll li kien inkwetat bil-konsegwenzi li kienu se jirriżultaw. Aquilina qal li reġa’ spjega mill-ġdid li l-protesta ma kinitx se tkun waħda separata miċ-ċelebrazzjonijiet uffiċċjali fit-triq. Huma kienu qed jinkoraġġixxu biss il-persuni fit-toroq għaċ-ċelebrazzjonijiet sabiex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-mod kif il-kriminalità ħakmet l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Aquilina qal li l-Kummissarju kien stqarr miegħu li kien qed jieħu r-ruħ bl-ispjegazzjoni tiegħu. Qal li kien hemm li ftehmu kif jistgħu jikkoperaw f’dan il-każ u ntalbu mill-Kummissarju nniffsu sabiex tinħareġ stqarrija dwar dan. Huma għamlu dan ftit tal-ħin wara l-laqgħa.

Intant, kompla jgħid kif wara l-protesta rċieva messaġġ ta’ ringrazzjament għall-kooperazzjoni minn uffiċċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija.

Rigward il-kumment li għadda l-Ministru Michael Farrugia fuq Facebook fejn widdeb lil dawk li pprotestaw waqt il-marċ tal-Forzi Armati ta’ Malta, Aquilina sostna li l-Ministru tkellem b’dan il-mod “b’intenzjoni ta’ ingann fil-konfront tal-pubbliku”. Irrimarka li min jimxi b’dan il-mod irresponsabbli ma jixraqlux ikun Ministru.

Aquilina sostna li hu lest li jieħu ġurament dwar dan kollu li qal ma’ Newsbook.com.mt.