“Il-Pulizija kienet infurmata li kont se niġi lura Malta fi ftit jiem” – John Dalli

L-eks Kummissarju Ewropew John Dalli sostna li hu wasal lura Malta fis-6 ta’ April, meta John Rizzo kien għadu Kummissjarju tal-Pulizija u mhux fl-istess ġurnata li laħaq il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, kif allega l-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.

Fi stqarrija, John Dalli saħaq li m’huwiex ċar jekk din l-allegazzjoni minn Simon Busuttil saritx sforz is-superfiċjalità jew b’malizzja.

Dalli sostna li wara li għalaqlu ċ-ċertifikat mediku, il-Pulizija kienet infurmata permezz tal-Avukat tiegħu li kien ġej lura Malta fi ftit jiem. Hu żied jgħid li la ġie ħabta w’ sabta u lanqas ġie bil-moħbi.

Fl-istqarrija ntqal li l-Kummissarju l-Ġdid bagħat għalih biex jinterrogah fil-21 ta’ Mejju.

John Dalli sostna wkoll li fix-xhieda li ta’ John Rizzo fil-Qorti ħareġ li dan kellu pressjoni kbira mill-medja u mill-Parlament. Dalli qal li sa fejn jaf hu, il-Parlament qatt ma ddiskuta dan il-każ. Hu żied jgħid li l-Parlament ma ltaqax bejn il-15 ta’ Diċembru u s-6 ta’ April li għadda.

L-eks Kummissarju Ewropew staqsa jekk din l-istqarrija ġuramentata minn John Rizzo tikkonfermax indħil politiku kif kien rappurtat l-ewwel darba fil-medja lokali sa mis-16 ta’ Diċembru.