Il-Pulizija kellmet lill-persuna li kienet qed issegwini – Jason Azzopardi

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-Pulizija ġabret il-persuna li allegatament kienet qed issegwih b’karozza jumejn ilu.
Fuq Facebook, Jason Azzopardi qal li wara li għamel rapport mal-Pulizija dwar xi karozzi li kienu qed isegwuh, il-Pulizija tagħtu “spjegazzjoni sodisfaċenti”. Huwa rringrazzja lill-Ispetturi Zahra u Butters għall-għajnuna tagħhom.
Ma’ Newsbook.com.mt Azzopardi kkonferma li kien sodisfatt bl-informazzjoni li ingħatatlu mill-Korp tal-Pulizija mingħajr ma żvela aktar dettalji.
Mistoqsi jekk kienx qed iħossu mhedded minn xi ħadd, id-Deputat Nazzjonalista qal biss li se jkompli jwettaq il-ħidma tiegħu.

Is-Sibt li għadda, Azzopardi kien qal li żewġ karozzi tas-Servizzi tas-Sigurtà Maltin (MSS) kienu qed isegwuh. Madanakollu, ftit sigħat wara, Azzopardi kiteb li l-Kap tal-MSS assigurah li dawn il-karozzi ma kinux jagħmlu parti mill-istess Servizzi.

Fuq Facebook, Azzopardi qal li dan l-aġir mhux se jintimidah milli jwettaq xogħlu.
F’reazzjoni għall-allegazzjonijiet ta’ Azzopardi, il-Gvern qal li jinsab infurmat li l-MSS ikkuntattjatu biex tavżah li ma kienx qed jiġi segwit mis-Servizzi tas-Sigurtà.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li jiddispjaċih li Membru Parlamentari ħareġ din l-informazzjoni falza.