Il-Pulizija jissuspettaw li Cutajar ġabar flus mill-passaporti fiċ-Ċina

Read in English.

Il-koppja Cutajar li ġew arrestati l-ġimgħa li għaddiet wara sejba ta’ nofs miljun Ewro fi flus kontanti fid-dar tagħhom baqgħu jinżammu arrestati bil-każ ta’ ħasil ta’ flus mistenni jkompli jinstema’ aktar tard din il-ġimgħa.

Aldo Cutajar ta’ 55 sena li huwa ħu l-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, tressaq il-Qorti l-ġmgħa li għaddiet flimkien ma’ martu wara li l-Pulizija sabu €500,000 fi flus kontanti waqt rejd li sar fid-dar tagħhom fin-Naxxar.

Fil-Qorti llum il-Prosekuzzjoni qalet li l-flus kontanti aktarx ġew mill-korruzzjoni bl-Ispettur Leanne Bonelli, li qed tmexxi l-każ, qalet li mal-flus kontanti nstabu ismijiet u numri ta’ passaporti li saru meta Aldo Cutajar kien konslu f’Shangai.

Mal-Pulizija, il-koppja qalu li l-flus kontanti fid-dar tagħhom huma minn qligħ minn xogħol ta’ ‘interior design’, b’Cutajar ma tax spjegazzjoni għalfejn ma ġewx depożitati f’bank. L-Ispettur qalet ukoll li Aldo Cutajar għandu tliet mitt elf ewro f’kont f’Dubaj.

Fil-Qorti nstema wkoll kif Isabel Cutajar hija shareholder tal-kumpanija Gemini Design Studios Limited li llum żdiedet fl-akkużi fil-proċeduri fil-Qorti. Jidher li l-mara kellha wkoll kont ta’ żewġ miljun Ewro f’Satabank li ġew trasferiti minn 11-il kumpanija Ċiniża.

Il-każ qed jinstema quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Tliet ijiem oħra se tinstema’ x-xhieda ta’ xi persuni pajżana bl-avukati ta’ Isabel Cutajar jgħidu li din ix-xhieda kellha tinstema’ llum peress li l-koppja ma jistgħux jinħelsu qabel ma jkunu xhedu dawn il-persuni.