Il-Pulizija issa fuq messenger

Fit-18 ta’ Ġunju l-Pulizija ħabbret servizz ġdid li beda jingħata fuq Facebook Messenger. Dan is-servizz huwa mmirat biex jintuża kemm għal dawk li jixtiequ jsaqsu xi mistoqsija kif ukoll biex jirrapurtaw każijiet mhux urġenti.

Il-Każijiet mhux urġenti jinkludu nbigħ ta’ klieb, mużika għolja, aċċidenti fejn ħadd ma weġġa’ kif ukoll xi ħadd ipparkjat ħażin.

Il-Pulizija ħeġġew li f’każijiet ta’ emerġenza, il-pubbliku għandu jċempel 112. Spjegaw li t-telefonati jieħdu prijorità fuq kull mezz ta’ komunikazzjoni ieħor.

Iċċelebrat għall-ewwel darba l-Jum favur il-prevenzjoni tas-serq mid-djar

Intant fuq il-paġna ta’ Facebook il-Pulizija nedew filmat qasir li jfakkar il-ġurnata fejn l-Unjoni Ewropea tfakkar il-prevenzjoni mis-serq fid-djar. Huwa spjegaw li din il-ġurnata hija mmirata li tibda tinforma u twissi liċ-ċittadini dwar kif jistgħu jipprevenu li jkun hemm serq fid-djar.

Żiedu li dan it-tip ta’ serq huwa att kriminali madwar il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Spjegaw li dan is-serq mhux biss iwassal biex persuna jieħu oġġetti li jappartjenu lil dawk li jirrisjedu fil-propjetà iżda jisirqu ukoll is-sens ta’ sigurtà li tħoss il-persuna. Mhux hekk biss imma meta wieħed jidħol fid-dar ta’ persuna biex jisraq, dan iħalli effett psikoloġiku fuq il-vittmi kif ukoll impatt finanzjarju.

Il-Pulizija f’Malta ngħaqdu mal-EUCPN kif ukoll mal-Europol f’din l-inizjattiva.

Filmat: The Malta Police Force