Il-Pulizija investigat każ intern ta’ razziżmu; irriżulta fin-negattiv

Il-Pulizija ta’ Malta investigat każ intern b’allegazzjoni ta’ razziżmu. Madanakollu, il-każ irriżulta fin-negattiv.

Wara l-arrest taż-żewġ suldati akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane, immigrant mill-Kosta tal-Avorju, Newsbook.com.mt bagħat serje ta’ mistoqsijiet lill-Pulizija dwar ir-razziżmu.

Mistoqsija dwar kemm kien hemm investigazzjonijiet interni b’rabta ma’ allegazzjonijiet ta’ razziżmu bejn l-2017 u l-2019, il-Pulizija qalet li d-Dipartiment tal-Affarijiet Interni tagħha investiga “każ wieħed biss” fl-2018. Qalet li l-każ irriżulta fin-negattiv.

Il-Pulizija qalet ukoll li ħadd ma tkeċċa mill-korp minħabba każijiet ta’ razziżmu bejn l-2013 u l-2019.

Intqal li jingħata taħriġ dwar razziżmu u kulturi differenti fil-livell tad-dħul għall-gradi ta’ kuntistabbli u ta’ spettur. It-taħriġ jingħata wkoll b’korsijiet għal membri li diġà qegħdin fil-Korp. Skont is-sit tal-Pulizija, kull kuntistabbli huwa mistenni li japplika l-liġi mingħajr deskriminazzjoni jkun xi jkun is-sess, razza, kulur, u reliġjon tal-persuni involuti.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Pulizija wkoll jekk hix qed tinvestiga x’inhu jiġru fil-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fid-dawl tal-arrest ta’ żewġ suldati b’rabta mal-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane. Il-Pulizija qalet li ma tidħolx fl-investigazzjonijiet interni tal-AFM.

Iż-żewġ suldati akkużati bil-qtil tal-immigrant wieġbu mhux ħatja. Huma jistgħu jeħlu sa għomor il-ħabs. Lassana Cisse Souleymane inqatel f’Ħal Far fis-6 ta’ April 2019. Fl-istess lejl, iż-żewġ suldati arrestati allegatament ippruvaw joqtlu żewġ persuni oħra. Għalkemm dawn intlaqtu minn tiri, irnexxielhom isalvaw.

Il-Partit Demokratiku (PD) kien qal li l-qtil huwa inkwetanti, diżgustanti, u jmur kompletament kontra l-valuri li Malta suppost tħaddan. Min-naħa tiegħu, il-President George Vella qal li l-armata mhix persuna waħda u li “l-iżball” ta’ wieħed jew tnejn “kbir kemm hu kbir” ma jġorrx miegħu lill-armata kollha.

Fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li qed isiru investigazzjonijiet interni biex ikun magħruf jekk dan kienx każ iżolat jew parti minn xi ħaġa akbar.

Qtil Ħal Far: L-AFM taħtar bord ta’ inkjesta interna

Il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia sostna li huwa mhu qed jgħatti lil ħadd fil-każ tal-qtil. Huwa qal dan meta ġie mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk hux se tintrefa’ r-responsabbiltà politika. Farrugia żied jgħid li huwa ta l-għodda kollha lill-Korp tal-Pulizija biex jagħmlu l-investigazzjonijiet meħtieġa.