Il-pulizija inkwetati dwar il-każ tal-influwenza fil-ħabs

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta, l-MPA, tinsab imħassba għall-fatt li bosta huma l-membri tal-Korp tal-Pulizija li jaħdmu fil-qrib mal-priġunieri li jistgħu qed ibatu mill-influwenza AH1N1, magħrufa bħala l-Iswine Flu.
L-MPA tgħid li l-pulizija qed jesponu lilhom infushom għal periklu serju għad-detriment ta’  saħħithom u għal dik tal-familjari tagħhom.
Tmien priġunieri qed jingħataw it-trattament tal-influwenza wara li sejħu għall-assistenza tat-tabib. Żewġ priġunieri mietu fl-isptar kawża ta’ infezzjoni f’sidirhom.
Jidher li l-mikrobu beda jinxtered jew minn xi żjara ta’ persuna jew minn gwardjan.
B’mod immedjat, l-Assoċjazzjoni  titlob lill-amministrazzjoni tal-Korp u lill-awtoritajiet kollha kkonċernati sabiex minnufih jittieħdu l-miżuri u l-prekawzjonijiet neċessarji biex jiġi evitat li l-membri tal-Korp ikunu esposti għal din l-influwenza.
L-MPA qed tappella biex il-pulizija jingħataw it-tilqim kif ukoll l-apparat u l-ilbies protettiv.
Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija temm jgħid li lest jieħu azzjoni jekk tiġi injorata saħħet il-pulizija