“Il-Pulizija għandha tinvestiga r-rabta bejn Kastilja u Gaffarena”

Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Pulizija biex tinvestiga r-rabta bejn Kastilja u l-familja Gaffarena, fid-dawl tal-ftehim li sar dwar il-proprjetà fi Triq Zekka fil-Belt Valletta.
F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Pulizija, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami sostna li mhux aċċettabbli li f’soċjetà demokratika, il-forzi tal-ordni jirċievu l-ordnijiet mill-Prim Ministru dwar kif iwettqu l-investigazzjonijiet.
Huwa kien qed jirreferi għar-rejd li l-Pulizija għamlet il-ġimgħa li għaddiet fid-Dipartiment tal-Artijiet.
Fenech Adami kompla jgħid li issa kulħadd jaf li l-iskandlu ta’ Gaffarena nibet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. 
Saħaq li l-Pulizija għandhom jinvestigaw ukoll l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mhux jitrattaw lill-impjegati fid-Dipartiment tal-Artijiet bħallieku huma kollha korrotti. 
Reazzjoni mill-Partit Laburista
Il-Partit Laburista akkuża lill-Kap tal-Oppożizzjoni u lill-kelliema tiegħu li qed jibqgħu jirrepetu l-istess affarijiet b'politika negattiva. Il-PL qal li kulħadd jaf li f'dan il-każ intrefgħet ir-responsabbiltà li kellha tintrefa', kontra dak li kien iseħħ taħt Gvern Nazzjonalista. 
Il-PL qal li hu ironiku wkoll li l-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzatha minn Beppe Fenech Adami, li hu l-avukat ta’ Gaffarena, li martu hi n-nutar tiegħu, u li kemm-il darba mar ikliet miegħu. Il-PL qal li l-ebda persuna aħjar minn Beppe Fenech Adami ma tista’ titkellem fuq relazzjonijiet ma’ Gaffarena.