Il-Pulizija għalqet it-triq imma baqa’ dieħel fil-karozzi biex jaħrab

CMRU

Żagħżugħ ta’ 20 sena baqa’ dieħel f’żewġ karozzi tal-Pulizija li kienu qed jagħlqu t-triq biex ma jkunx jista’ jaħrab.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li ż-żagħżugħ residenti l-Kalkara ġie arrestat. Dan kien qed jiġi segwit dwar allegat traffikar tad-droga.

Għall-11.30pm tal-bieraħ żewġ vetturi tal-RIU għalqu Triq ix-Xatt fil-Kalkara. Dan biex iwaqqfu l-karozza taż-żagħżugħ. Il-Pulizija qalet li minkejja li l-vetturi tagħha kellhom id-dwal mixgħulin, iż-żagħżugħ baqa’ dieħel f’karozza tal-Pulizija. Kuntistabbli ġarrab ġrieħi ħfief fl-inċident.

“Mal-ħabta, ix-xufier ħareġ mill-vettura u telaq jiġri fid-direzzjoni tax-xatt tal-Kalkara, fejn għamel ħsara fuq vettura oħra tas-servizz. Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u tal-RIU bdew isegwuh, qabduh u arrestawh,” qal il-Korp.

CMRU

Saret tfittxija fuq iż-żagħżugħ u nstabu sustanzi illegali suspettati kokaina u eroina. Dan ma kellux liċenzja tas-sewqan u l-karozza li kien qed isuq kellha liċenzja skaduta.

Il-Pulizija qalet li ż-żagħżugħ se jitressaq il-Qorti.