Il-Pulizija għadha qed tfittex il-Libjan li prova jagħmel abort fuq is-sieħba tiegħu

Il-Pulizija għadha qed tfittex il-Libjan ta’ 33 sena li allegatament ipprova jwettaq abort id-dar fuq is-sieħba tiegħu, Marokkina ta’ 33 sena, li kellha xahrejn tqala.
Huwa  ħarab minn fuq il-post wara li bidel fehmtu.
Kienet il-bint ta’ 15-il sena li ċemplet lill-Pulizija xħin sabet lil ommha fil-banju b’saqajha u jdejha marbutin bit-tejp.
L-inċident seħħ nhar il-Ħadd fl-appartament tal-koppja fis-Swieqi.
Il-Pulizija qalet li l-allegat aggressur sforza lill-mara fil-kamra tal-banju, u l-investigaturi qed jaħsbu li ma kellu ebda taħriġ fuq kif isir abort. Qed jispekulaw li seta’ tħajjar minn filmati fuq Youtube li juruk kif tista’ tagħmlu.
Fil-fatt, fuq il-post sabu sikkina li tbillet fil-ġin u ssaħnet bin-nar, u li kienet allegatament se tintuża fuq il-mara.
Madankollu ma nstabu ebda ġrieħi fuq il-mara riżultat tal-użu tas-sikkina fuqha.
Hija ttieħdet Mater Dei għall-kura fuq ġrieħi ħfief, u għaddejjin eżaminazzjonijiet mediċi fuqha.
Il-Libjan hu magħruf mal-Pulizija.