Il-Pulizija f’Paceville “mhux infurmati” dwar iż-żewġ ġuvintur imsawta

Il-Pulizija stazzjonata f’Paceville sostniet li ma ġiet infurmata bl-ebda każ ta’ żgħażagħ imsawwta fil-lejl ta’ bejn it-30 t’April u l-1 ta’ Mejju.

Dan wara li Newsbook.com.mt staqsa għar-rendikont tal-każ min-naħa tal-Pulizija hekk kif żewġ ġuvintur li qegħdin f’Malta fuq btala qalu li l-bodyguards ta’ klabb f’Paceville qabdu jtuhom fuq bażi omofobika.

Newsbook.com.mt pprova jagħmel ukoll kuntatt mas-sid tal-klabb partikolari, madanakollu baqgħet qatt ma waslet risposta.

Iż-żgħażagħ kienu qegħdin jiżfnu fi klabb f’Paceville, meta wieħed minnhom neża’ l-flokk. Il-bouncers keċċewh, u l-ħabib tiegħu beda jipprova jikkonvinċihom biex jerġgħu jdaħħluh. Iż-żagħżugħ irrakkonta kif sadattant, il-bouncers kienu qegħdin jinsultawhom. Għalhekk, iż-żagħżugħ tefa’ x-xarba tiegħu mal-art, u pprova jitlaq. Kien f’dan il-punt li l-bouncers “qabżu għal fuqhom” u bdew ituh f’wiċċu. Sieħbu, dak li kien tkeċċa, beda jipprova jaqbeż għalih u spiċċa msawwat tant li kważi kissrulu idu.

Aqra: “Sawtuni imma mhux se jkissruni” – turist imdemmi f’Paceville

It-turist kompla jgħid li hu ħa lill-pulizija fil-klabb, iżda kien hemm bouncer ġdid mal-bieb, li qal lill-uffiċjali li ż-żgħażagħ kienu qabdu jagħtu ma’ żewġ persuni oħra barra l-klabb. Il-pulizija emmnu lill-bouncer u talbu liż-żgħażagħ imorru d-dar.

“In-nies donnhom iridu jiġġustifikaw dan il-vjolenza”

L-attivist f’isem ARC, spjega kif in-nies donnhom iridu jiġġustifikaw din il-vjolenza, u nduna b’dan mill-kummenti fuq Facebook. Dan għaliex huwa xerred kitba dwar dan fuq Facebook, li qalgħet diversi kummenti bħal “min jaf x’għamel?”

Il-kummenti ta’ bosta persuni, b’mod speċjali Maltin iffukaw fuq il-fatt li l-irġiel huma barranin. Qalu li l-barranin “jiġu Malta u mingħalihom se jagħmlu li jridu”. Oħrajn irredikolaw lil dawk li qajmu dan il-punt u insistew li minkejja li l-bouncer għandu dritt li jkellem persuna li jqis li mhux qed iġġib ruħha sew fil-klabb speċifiku ma għandu l-ebda dritt isawwat persuna biex jagħmel punt. Irrimarkaw li mhix kwistjoni ta’ barranin jew Maltin imma aktar kwistjoni morali.