Il-Pulizija fi New Zealand jistennew eluf ta’ armi tan-nar

REUTERS/Jorge Silva

Il-Pulizija fi New Zealand qed jistennew li jirċievu eluf ta’ armi tan-nar permezz tal-iskema fejn l-Istat qed jixtri lura għadd ta’ armi tan-nar wara liġijiet ġodda li daħlu fis-seħħ minħabba attakk terroristiku fuq żewġ moskej fl-aħħar ġimgħat.

Il-Membri Parlamentari fi New Zealand ivvutaw kważi b’mod unanimu l-Erbgħa sabiex jibdlu l-liġijiet dwar l-armi tan-nar, f’inqas minn xahar wara li raġel waħdu qatel 40 ruħ f’attakk fuq żewġ moskej fi Christchurch. Il-liġi l-ġdida tipprojbixxi li wieħed ikun fil-pussess jew jagħmel użu ta’ armi tan-nar semi-awtomatiċi, partijiet li jistgħu jiġu mibdula f’arma semi-awtomatika, magazini kbar u snieter.

Intant, iċ-ċittadini għandhom ċans jirritornaw dawn l-armi sat-30 ta’ Settembru. Sa issa, aktar minn 300 arma ġew ritornati skont il-Ministru inkarigati mill-Pulizija, Stuart Nash. Intant, il-Kummissarju għall-Pulizija Michael Clement qal waqt konferenza tal-aħbarijiet li mhux ċert kemm se jkunu qed jirċievu armi tan-nar minħabba li fi New Zealand ma kien hemm l-ebda liġi li tirrikjedi persuna tirreġistra li għandha fil-pussess tagħha arma tan-nar.