2 irġiel arrestati f’rejd Raħal Ġdid

Aġġornat 09:34 AM

Jinstabu aktar minn 5.5kg ta' kokaina

Read in English.

Wara ġimgħat ta’ osservazzjoni, żewġt irġiel ġew arrestati fuq suspett ta’ traffikar tad-droga f’rejd li seħħ ġo Raħal Ġdid is-Sibt filgħodu.

Fi tfittxijiet li saru Raħal Ġdid u fil-Marsa fi propjetajiet taż-żewġt irġiel – raġel ta’ 40 sena residenti l-Ħamrun u raġel ta’ 29 sena residenti Raħal Ġdid – instabu b’kollox aktar minn 5.5kg ta’ kokaina, b’valur fit-triq ta’ madwar €350,000.

Iż-żewġt irġiel ġew interċettati mill-pulizija ġo vettura fi Triq Melita, barra r-residenza tar-raġel ta’ 29 sena li kien passiġġier. Tfittxija li saret fil-vettura u fuq iż-żewġt irġiel sabet madwar 2kg ta’ kokaina, ċwievet ta’ karozzi u aktar minn €8,500 fi flus kontanti.

Il-pulizija komplew it-tfitxxija tagħhom fil-proprjetajiet li r-raġel ta’ 29 sena għandu ġo Raħal Ġdid – residenza fi Triq Melita u garaxx fi Triq Sant’Ubaldeska. Fid-dar instabu kokaina u ħaxixa, madwar €100,000 f’deheb u ġojjellerija u madwar €78,000 fi flus kontanti, filwaqt li minn ġol-garaxx, il-pulizzija kkonfiskaw Range Rover Sports u Mercedes E63 b’valur ta’ madwar €250,000.

Saret ukoll tfittxija f’garaxx fi Triq il-Qaddiefa, il-Marsa, li hu propjetà tar-raġel ta’ 40 sena, fejn instabu madwar 3.5kg ta’ kokaina.

L-irġiel qed jinżammu taħt arrest fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, u mistennija jitressqu l-Qorti  b’akkużi relatati ma’ pussess u traffikar tad-droga u ta’ ħasil tal-flus nhar il-Ħadd.

Il-Maġistrat tal-Għassa Marseann Farrugia qed tmexxi inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għddejjin.