Il-Pulizija bi stqarrija dwar il-kundizzjoni ta’ Melvin Theuma

Read in English.

Il-Korp tal-Pulizija ħareġ stqarrija fejn qal li baqgħet stabbli l-kundizzjoni ta’ Melvin Theuma, meqjus bħala s-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Żied jgħid li għadu qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) fl-Isptar Mater Dei.

It-Tlieta filgħaxija Melvin Theuma nstab ferut fil-kamra tas-sodda tar-residenza tiegħu, fejn skont il-Pulizija l-ewwel indikazzjonijiet juru li weġġa’ lilu nnifsu.

L-Erbgħa filgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, il-Kummissarju Angelo Gafà ta d-dettalji dwar il-każ.

Xi spikka minn dak li qal il-Kummissarju tal-Pulizija?

  • Melvin Theuma nstab b’sikkina f’idu l-leminija fil-kamra tas-sodda
  • Instab bi ġrieħi taħt għonqu, fil-kustilji u fuq il-polz tax-xellug, li jidhru li saru minnu stess
  • Ma kellux feriti li jindikaw li kien jiddefendi lilu nnifsu jew li kien hemm xi ġlied
  • L-aperturi tal-post kienu magħluqin
  • Ma nstabu l-ebda drogi jew noti ta’ suwiċidju.
  • Kien waħdu d-dar. Lis-sieħba tiegħu qalilha tieħu ċ-ċwievet qabel toħroġ għax ippjana li jorqod ftit.
  • L-Ispettur Keith Arnaud irnexxielu jkellmu. Theuma qallu li hu kien għamel dan kollu u ħadd ma kien involut.
  • Żewġ pulizija jgħassu r-residenza ta’ Theuma l-ħin kollu. Għal xi żmien kellu żewġ pulizija ġod-dar ukoll imma ħass li qed tiġi invażata l-privatezza tiegħu.
  • Il-pulizija jieħdu d-dettalji ta’ kull min jidħol u joħroġ mill-blokka tal-appartamenti.
  • Il-mowbajls ta’ Theuma u s-sieħba tiegħu ttieħdu mill-Pulizija biex jiġu analizzati.
  • L-ebda indikazzjoni li s-saħħa ta’ Theuma kienet iggravat minn dak li ġieli qal fil-Qorti.

Theuma kien se jixhed waqt is-seduta tal-Erbgħa il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista. Il-maħfra presidenzjali li ngħata Theuma biex jikxef l-informazzjoni kollha li kellu dwar il-każ, ġiet preżentata fil-Qorti fis-seduta tal-Erbgħa. Theuma kien mistenni li jixhed ukoll dwar rikording, li skont l-avukati ta’ Fenech, is-sensar fl-assassinju kien għadu ma xehedx dwaru.