Il-Pulizija Awstraljana bl-waħda mill-akbar qabdiet tad-droga

Erba’ persuni ġew arrestati fi Queensland fl-Awstralja wara waħda mill-ikbar qabdiet tad-droga li qatt saret. Il-qabda kienet marbuta ma’ sindikat ta’ kriminalità organizzata bbażat fir-Renju Unit li kien qed jisuplixxi droga ta’ sustanza pura ħafna. Il-valur tad-droga misjuba mill-Pulizija Awstraljana jammonta għal madwar €60 miljun.

Id-droga misjuba setgħet tintuża biex isiru 12 il-miljun kapsjula tal-ecstasy. Fi stqarrija l-Pulizija Awstraljana qalet li arrestat żewġt irġiel ta’ 40 u 51 sena mir-Renju Unit, Awstraljan ta’ 26 sena u Awstraljana ta’ 51 sena.