Il-pubbliku mħeġġeġ jagħti d-demm biex jgħin lill-morda bil-kanċer

Ritratt: Miguel A. Padrinan

Bdejna Ottubru u għal sena oħra qed issir il-kampanja Pink October – Movember bil-għan li permezz tagħha jinħoloq iktar għarfien u suċċess fil-prevenzjoni tal-kanċer tas-sider, kif ukoll tas-sistemi riproduttivi tal-mara u tar-raġel. Iżda minħabba ċirkostanzi varji l-prevenzjoni mhux dejjem tkun possibbli, u sfortunatament ċerti persuni jsofru minn kanċer aggressiv li jinfirex b’mod mgħaġġel. Naturlament dan ikun jinħtieġ trattament intensiv li ġeneralment ikun jinkludi kirurġija, kimoterapija, u sapport bi trasfużjonijiet tad-demm.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jingħaqad ma’ din il-kampanja u jħeġġeġ lill-pubbliku jkun risponsiv għall-messaġġ tagħha, u fejn u meta jkun possibbli wieħed għandu jersaq biex jagħti d-demm għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-morda.

Dan jista’ jsir:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm.  
  • fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 11 t’Ottubru ser ikun quddiem il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Il-ħin disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm ser ikun mit-8:30am sas-1:00pm.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar Il-Ħadd 11 t’Ottubru ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Noti importanti!

  • Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz. 
  • Kulmin ser jersaq biex jagħmel it-test, jew qed jistenna r-riżultat tal-coronavirus ma jkunx jista’ jitħalla jagħti demm għal perjodu temporanju. 

Dan it-tagħrif hu mwassal min-National Blood Transfusion Service Malta.