Il-pubbliku jrebbaħ il-Premju għall-Arti lill-MADC

Fost id-diversi rebbieħa f’numru ta’ kategoriji tal-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Arti tal-Kunsill Malti għall-Arti tħabbar li l-pubbliku għażel lill-Malta Amateur Dramatic Club (MADC) bħala r-rebbieħ tal-kategorija Premju tal-Għażla tal-Pubbliku.
Il-premju ngħata speċifikament għall-produzzjoni tagħhom ta’ The Prime of Miss Jean Brodie.
Fost ir-rebbieħa, mifruxa fuq 11-il kategorija, kien hemm ukoll Prof. Oliver Friggieri li rċieva l-Unur għall-Karriera Artistika filwaqt li Francis Sultana ngħata l-Premju għall-Ambaxxatur għall-Arti. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, li kisbet l-ogħla numru ta’ nominazzjonijiet, ħadet il-Premju għall-Aqwa Produzzjoni għal Simfonija Numru 9 ta’ Ludwig van Beethoven, Jum l-Ewropa.
Il-Premju għall-Arti beda sabiex jagħti premju nazzjonali li jiċċelebra l-kisbiet fis-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li jirrikonoxxi l-eċċellenza fix-xogħol artistiku li ġie mniedi matul is-sena ta' qabel u huwa uniku fl-attenzjoni tiegħu fuq il-kultura u l-arti.
Ir-rebbieħa ntgħażlu minn ġurija ta' esperti settorjali u rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Arti minn fost in-nominazzjonijiet ippreżentati permezz ta' sejħa miftuħa.
Min kienu ir-rebbieħa?

  1. L-aqwa proġett fil-komunità: Aħdar id-Deżert – Opening Doors Association
  2. L-Aqwa Kisbiet Internazzjonali: Il-performance internazzjonali ta’ Charlene Farrugia
  3. L-Aqwa Xogħol għal Tfal u Żgħażagħ: Fanfare Family Concert – L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta
  4. L-Aqwa Programm jew Staġun Artistiku: ŻiguŻajg Festival Internazzjonali tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2016 – Fondazzjoni Kreattività
  5. L-Aqwa Intrapriża Kreattiva: Anvil Game Studios
  6. L-Artist Żagħżugħ/a tas-Sena: Matthew Schembri
  7. L-Artist/a tas-Sena: Moveo Dance Company (Dorian Mallia, Diane Portelli)
  8. L-Aqwa Produzzjoni: Sinfonija Numru 9 ta’ Ludwig van Beethoven – Kunċert għal Jum l-Ewropa – L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta
  9. L-Għażla tal-Pubbliku: The Prime of Miss Jean Brodie – MADC
  10. Ambaxxatur għall-Arti: Francis Sultana
  11. Unur għall-Karriera Artistika: Prof Oliver Friggieri

Ritratt: Sebio Aquilina