Il-pubbliku favur il-ħin tas-sajf; l-imsieħba soċjali kawti

Filwaqt li r-riżultat ta’ konsultazzjoni onlajn kienet favur li jinżamm il-ħin tas-sajf matul is-sena kollha, l-imsieħba soċjali kienu pjuttost kawti dwar din il-proposta skont il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej.

Fi stqarrija l-Ministeru qal li aktar minn 2,000 persuna ssottomettew il-fehma tagħhom permezz tal-pjattaforma onlajn matul l-aħħar ġimgħa dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-konsultazzjoni laħqet il-qofol tagħha b’laqgħa pubblika mmexxija mill-Malta-EU Steering and Action Committee  (MEUSAC) u bis-sehem tal-imsieħba soċjali fil-Berġa ta’ Aragona. Skont il-Ministeru, l-imsieħba soċjali esprimew tħassib dwar il-potenzjal ta’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea li tista’ tikkawża tfixkil serju lis-suq ewlieni, bis-servizzi finanzjarji, is-settur tal-avjazzjoni, u dak marittimu elenkati bħala industriji ewlenin li jistgħu jbatu mid-differenza fil-ħin bejn il-membri stati.

Il-Ministru  għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli assigurat li l-Gvern se jieħu pożizzjoni infurmata dwar il-proposta. Qalet li sar studju xjentifiku dwar il-fehma pubblika u dik ta’ min iħaddem. Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li l-proposta tista’ sservi ta’ opportunità biex jiġu eliminati l-anomaliji eżistenti. Il-Kap tas-Segretarjat tal-Unjoni Ewropea Glenn Micallef spjega li n-negozjati bħalissa għadhom fil-fażi teknika.

Jekk din il-proposta tiġi attwata mingħajr ebda tibdil, il-perjodu li jmiss ikun l-aħħar wieħed bil-ħin tax-xitwa, hekk kif mis-sena d-dieħla l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea hu li jibqa’ l-ħin tas-sajf.

[interaction id=”5bb225b89426afa7b2218558″]