“Il-provokazzjoni tal-BirdLife wasslet biex jiġi aggredit nassab” – FKNK

BirdLife Malta kkundannat dan l-att ta' vjolenza, filwaqt li l-Kaċċaturi San Ubertu qed isejħu għal leġiżlazzjoni biex tipproteġi min-nies li jieħdu l-liġi f'idejhom.

pulizija kordin
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li l-BirdLife Malta qed tintensifika l-provokazzjoni tagħha kontra l-kaċċaturi u n-nassaba, “anke bl-għajnuna ta’ diversi barranin sħabhom”. Din wasslet biex jiġi aggredit nassab Għawdxi li kien qed jonsob legalment.

BirdLife Malta kkundannat dan l-att ta’ vjolenza, filwaqt li l-Kaċċaturi San Ubertu qed isejħu għal leġiżlazzjoni biex tipproteġi min-nies li jieħdu l-liġi f’idejhom.

L-FKNK qalet li koppja barranija marru fuq n-nassab Għawdxi u bdew jallegaw li kien qiegħed jonsob illegalment. Ir-raġel barrani mbagħad inbotta lin-nassaba, tefgħu fl-art, intefa fuqu u beda jagħtih bil-ponn. Ir-raġel imbagħad għajjat lil martu biex iżżomm saqajn in-nassab ħalli jkompli jagħtih bil-ponn f’wiċċu. Kaċċatur fil-viċinanzi kellu jintervjeni biex iwaqqaf l-attakk. In-nassab kellu jmur l-Isptar Ġenerali t’Għawdex kawża tal-ġrieħi li sofra, l-aktar gravi f’wiċċu, u għamel rapport għand il-pulizija t’Għawdex.

L-FKNK qed tallega li n-nassab huwa vittma tal-provokazzjoni tal-BirdLife Malta. L-istqarrija kompliet tgħid li l-CABS, grupp mill-Ġermanja, qed jgħasses l-kampanja tal-gżejjer Maltin u dan qed jirriżulta f’inċidenti li qed jeskalaw u jsiru vjolenti. L-FKNK spjegat ir-relazzjoni bejn BirdLife Malta u l-CABS bħala waħda ta’ ħbiberija.

Fl-istqarrija tagħha l-FKNK żiedet li f’inċident separat, koppja oħra fetħu gabjetta biex ħarrbu l-għasfur tal-għana li kien hemm ġo fiha, filwaqt li ħarbu minn fuq il-post qabel ma seta jwaqqafhom in-nassab. Irreferiet ukoll għal każ ieħor li ddeskriviet bħala reċta, fejn filmat maħruġ mill-CABS juri mara miexja bil-kelb tagħha bla ċinga dritt għal ġo mansab armat. Skont l-FKNK, il-provokazzjoni għan-nassab f’dan il-każ kien ovvju biżejjed.

L-FKNK sostniet li l-BirdLife Malta taw bidu għal din is-sensiela ta’ provokazzjonijiet meta nhar il-11 t’Ottubru 2020 organizzaw protesta f’Rizerva tal-FKNK meta l-FKNK kellha avveniment organizzat fl-istess post, ġurnata u ħin. Dakinhar l-FKNK ipposponew l-avveniment biex ma jaqgħux għall-provokazzjoni.

“Nikkundannaw kull forma ta’ vjolenza” – Birdlife Malta

BirdLife Malta qalet li tikkundanna kull forma ta’ vjolenza, anke meta din tkun vjolenza jew allegata vjolenza fil-konfront ta’ kaċċaturi jew nassaba.

Fi stqarrija, spjegat li dan huwa prinċipju li l-għaqda ilha tħaddan minn dejjem. BirdLife Malta kompliet tgħid li kwalunkwe inċident, però, huwa qatra fl-oċean meta mqabbel ma’ snin ta’ abbuż, vjolenza, intimidazzjoni u kliem ta’ mibegħda minn ħafna membri fi ħdan il-lobby tal-kaċċaturi u nassaba.

BirdLife Malta titlob lill-awtoritajiet sabiex jinfurzaw il-liġijiet f’kull ċirkostanza; kemm dawk li għandhom x’jaqasmu mal-ħarsien tal-għasafar u l-kaċċa u l-insib illegali, kif ukoll kull f’każ ieħor ta’ vjolenza.

“M’hemm l-ebda liġi li tipproteġi il-kaċċatur u nassab jipprattika d-delizzju legali tiegħu mingħajr disturb provokanti” – Kaċċaturi San Ubertu

Kaċċaturi San Ubertu qalet li filwaqt li l-Gvern daħħal liġijiet ħorox kontra abbuż fil-kaċċa u nsib, m’hemm l-ebda liġi li tipproteġi il-kaċċatur u nassab jipprattika d-delizzju legali tiegħu.

L-għaqda sostniet li l-kaċċaturi u n-nassaba ma jistgħux jipprattikaw id-delizzju mingħajr disturb provokanti, atti ta’ mibgħeda, dħul fil-propjeta privata, ksur tal-privatezza, indħil jew skrutunju kontinwu minn nies estremisti.

L-għaqda sejħet biex il-Gvern jgħaraf is-sitwazzjoni fejn sezzjoni ta’ nies qed jieħdu l-liġi f’idejhom, u joħloq liġijiet kontra estremiżmu li qed ikollu konsegwenzi koroh.