Id-Dumnikani jwaqqfu mid-dmirijiet reliġjużi lill-patri akkużat b’abbuż sesswali

Il-Provinċja Dumnikana, fi stqarrija li ħarġet b’rabta mal-allegat abbuż minn Patri Charles Fenech, qalet li tesprimi d-dispjaċir tagħha għall-ġrajjiet.
Wissiet li l-patri twaqqaf milli jeżerċita l-ministeru saċerdotali tiegħu u tneħħa minn Direttur tal-Moviment Kerygma. 
Il-provinċja qalet li għalkemm Radju Marija jinsab fil-kunvent Dumnikan tar-Rabat, il-ħatra ta' direttur mhix f'idejha imma f'idejn id-direzzjoni internazzjonali ta' Radju Marija.
Saħqet, imma, li ordnatlu jagħti r-riżenja tiegħu lid-diriġenti internazzjonali ta' Radju Marija.
Il-provinċja Dumnikana qalet ukoll li kemm il-darba wissiet lil Patri Charles u ħadet diversi passi, waqt li spjegat madankollu li kien hemm drabi meta l-akkużi kontrieh ġew irtirati. 
Fl-istess ħin, il-Provinċja Dumnikana Maltija saħqet li mhi bl-ebda mod tagħti ġudizzju fuq is-sitwazzjoni ta' Patri Charles, imma biss li tikkawtela kwalunkwe eventwalità, waqt li uriet li hi lesta tikkollabora mal-Pulizija biex toħroġ il-verità kollha.