“Il-protezzjoni tal-ġuf għandha tkun fil-liġi” – Deputat PN

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech ippropona li d-definizzjoni legali tat-tarbija fil-ġuf għandha titniżżel fil-liġi tal-protezzjoni tal-minuri. Huwa kien qed jitkellem it-Tnejn filgħodu fil-Parlament waqt li kien qed jiġi diskuss l-estimi finanzjarji tal-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Matul dan id-dibattitu il-Membru Parlamentari Etienne Grech qal li kull membru tal-Gvern huwa kontra l-abort.

Uru x’inhi l-intenzjoni vera – Claudio Grech lill-Gvern

Grech qal li l-proposta tiegħu tagħti l-opportunità lill-Gvern biex juri x’inhuma l-intenzjonijiet tiegħu dwar il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf u dan iwassal il-messaġġ li l-Gvern verament jemmen li t-tarbija fil-ġuf għandu jkollha protezzjoni daqs dawk li twieldu.

Huwa żied li mara li qed iġġorr tarbija u qed taffaċċja diffikultajiet għandha tingħata iktar għajnuna soċjali, mill-Għaqdiet mhux Governattivi u mill-Gvern. Kompla li koppji li qed jaffaċċjaw problemi ta’ infertilità għandhom jingħataw l-għajnuna.

Aħna kontra l-abort – Etienne Grech

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Laburista Etienne Grech qal li l-membri kollha tal-gvern huma kontra l-abort. Żied li minkejja li r-riċerka fuq l-embrijuni, il-modifikazzjoni fil-ġenetika u l-kiri tal-ġuf f’Malta għadhom mhux legali, għandu jkunhemm diskussjoni dwar il-legalizzazzjoni tal-kiri tal-ġuf.