Is-sinjali ta’ protesta jidher li qed jitneħħew – Occupy Justice

Aġġornat 05:04 PM
Occupy Justice
Occupy Justice

Read in English.

L-għaqda Occupy Justice qalet li s-sinjali li weħħlu f’żoni differenti fil-pajjiż matul il-lejl li għadda qed jitneħħew illum.

Biex tikkommemora s-37 xahar mill-assassinju, l-għaqda dendlet 16-il sinjal f’diversi żoni madwar Malta biex “tfakkar lil dawk fil-poter” li l-attivisti mhux se jieqfu. Is-sinjali jirreferu kemm għal politiċi li rreżenjaw fix-xhur u l-ġimgħat li għaddew, u wkoll għal persuni li għadhom jokkupaw l-irwol ta’ Ministri u li skont l-għaqda għandhom jaraw li jassumu r-responsabbiltà talli għalqu għajnejhom għall-korruzzjoni.

Intant, waranofsinhar, l-għaqda sostniet li dawn is-sinjali jidher li qed jitneħħew. L-għaqda sostniet li sal-bieraħ stess, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li dawn huwa gvern ġdid u differenti minn dak li kien hemm f’Jannar li għadda. Qalet li abbażi ta’ dan id-diskors kienet qed tassumi li d-dritt fundamentali tagħha li tipprotesta kien se jkun rispettat. Qalet li b’hekk tassumi li dawn kienu qed jinsterqu minn ħallelin awtoritarji.

L-għaqda kompliet billi appellat lill-Korp tal-Pulizija sabiex tieħu l-azzjonijet neċessarji biex tassigura li jkunu rikoverati u ritornati kif immedjatament.

Fost is-sinjali hemm ukoll wieħed li jitkellem dwar kif il-Prim Ministru Robert Abela qed ifalli milli jilbes maskra u b’hekk qed jikser fost l-iktar miżuri bażiċi tal-coronavirus. Occupy Justice sostniet li dan jirrifletti n-nuqqas sħiħ ta’ responsabbiltà u s-sens ta’ impunità li hemm fil-gvern.

“Il-protesti wasslu għar-riżenji imma għadna qed nistennew it-tweġibiet”

L-għaqda Occupy Justice sostniet li filwaqt li l-protesti tagħha li bdew sena ilu wasslu għar-riżenji ta’ persuni fil-poter, fadal ħafna tweġibiet xi jridu jingħataw.

Fi stqarrija, l-għaqda rrimarkat kif il-protesti tagħha li wasslu għal eluf ta’ persuni biex joħorġu fit-toroq tal-pajjiż u jsemmgħu leħinhom, wasslu għar-riżenja tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi. Semmiet ukoll kif sussegwentament kien hemm ir-reżenja tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-irtirar tal-Avukat Ġenerali Peter Grech.

Minkejja dan, insistiet li hemm ħafna risposti li għadhom ma ngħatawx qalb ir-rivelazzjonijiet xokkanti li ħerġin mill-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Jekk aħna ċ-ċittadini nistgħu narawha, dawk fil-poter għandhom il-mezzi kollha biex iwaqqfuha, iżda dawn jiddeċiedu li jagħmluha ta’ birruħhom li ma jafu xejn u jużaw skużi dwar dak li ilu f’wiċċhom għal snin twal,” sostnew l-attivisti.

Occupy Justice insistiet li minkejja li ma tistax toħroġ tipprotesta fit-toroq kif kien isir sena ilu, qed terġa’ tfakkar it-talbiet tagħha: li dawk kollha involuti kemm b’mod dirett, kif ukoll b’mod indirett, fil-kreazzjoni ta’ klima li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia jitressqu biex issir ġustizzja u toħroġ il-verità sħiħa.