Il-protesti jtellfu l-kummerċ fil-Belt; hemm bżonn bilanċ – Mallia

protest-for-truth-and-justice-21
Miguela Xuereb

L-eks Ministru għall-Intern Emanuel Mallia qal li l-protesti li qed isiru qed itellfu l-kummerċ fil-Belt Valletta, fi żmien fejn il-kummerċ diġà kien għarkupptejh minħabba l-Covid-19.

Mallia ħa l-ħin tal-aġġornament biex jappella għal bilanċ u ppropona biex il-protesti jsiru ‘l bogħod mill-Belt Valletta.

Huwa qal li bħala avukat jirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali għall-assoċjazzjoni u d-dritt għall-espressjoni. “Madankollu, ma tiskantax meta l-komunità kummerċjali tgħidlek li dawn il-protesti qed itellfuhom il-klijentela u allura nappella għal bilanċ,” stqarr Mallia.

“Ġejt mgħajjar oħxon

Mallia rrifera għall-isħarriġ li sar mill-gazzetta The Times li sab li 20% biss tal-poplu għandu fiduċja fil-politiċi. Huwa qal li wara li sar ministru kontra x-xewqa tiegħu, tneħħa fuq inċident li hu ma kellu l-ebda responsabilità tiegħu.

Madanakollu baqa’ leali lejn il-moviment li kkontesta miegħu. Mallia qal li hu spiċċa fil-lenti ta’ kritika inġusta meta ġie mgħajjar għall-fatt li hu oħxon, u kkritikat għall-mod kif jilbes u ma’ din il-kritika weħlu wkoll uliedu. Id-Deputat Laburista qal li hu aċċetta din il-kritika minkejja li kienet inġusta għall-fatt li hu qiegħed fil-ħajja pubblika.

Mallia għamel referenza ukoll għas-sentenza li ta l-Prim Imħallef Mark Chetcuti fejn tah raġun għall-promozzjonijiet li ta, fost l-oħrajn lill-Kap Kmandant Jeffrey Curmi u d-deputat tiegħu Mark Mallia. Huwa qal li l-Qorti rrikonoxxiet li l-anzjanità tapplika għas-snin kollha li tkun ilek fl-armata u mhux f’dak ir-rank partikulari.