“Il-protesta kontra l-korruzzjoni ssir anki jekk Konrad Mizzi jitneħħa għax issa jmiss li jitlaq Joseph Muscat”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-protesta kontra l-korruzzjoni ssir anki jekk il-Ministru tal-Enerġija jitneħħa mill-uffiċju tiegħu għax issa jmiss li jitlaq Joseph Muscat.
Waqt il-programm Newsfeed fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Busuttil qal li Malta ma tistax tibqa’ mmexxija minn Joseph Muscat minħabba li hemm inċertezza kbira u dubji kbar dwaru.
Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel dan mhux għax irrid isejjaħ elezzjoni iżda għax irid li Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat jirriżenjaw u l-Gvern jista' jitmexxa minn persuni oħra mill-Grupp Parlamentari Laburista.
Tenna  li r-responsabiltà hija tal-Prim Ministru Joseph Muscat u li Konrad Mizzi u Keith Schembri misshom tneħħew mill-uffiċju tagħhom seba’ ġimgħat ilu, imma minflok Joseph Muscat għażel li jieħu dan iż-żmien kollu biex jiddefendihom.
Qal li filwaqt li wieħed stenna li Konrad Mizzi jirriżenja,hu għażel li jitfa’ l-ballun f’saqajn il-Prim Ministru.
Intant il-Partit Nazzjonalista nieda petizzjoni online biex titwaqqaf il-korruzzjoni f’Malta.