Il-protest kontra l-miżuri tal-Covid-19 bla sens u bla bażi – MAM

people-wearing-masks-valletta-coronavirus-2
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ikkundannat il-protest kontra l-miżuri ta’ mitigazzjoni dwar il-firxa tal-coronavirus fil-pajjiż u sejħitilu “bla sens u bla bażi”. Intant appellat lill-Kabinett u lill-Prim Ministru sabiex jiddikjaraw Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika.

Ilbieraħ, grupp ta’ 62 persuna li huma xettiċi fuq il-Covid-19 ressqu protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, għaliex akkużawhom li ħolqu paniku nazzjonali fuq il-pandemija.

Il-MAM sostniet li ma taqbilx ma’ dan il-protest. Instiet li kemm Fearne kif ukoll Gauci għandhom sfond akkademiku b’saħħtu u huma rispettati fil-professjoni medika mhux biss għall-kompetenza tagħhom, iżda wkoll għall-integrità. Intant spjegat kif dawn huma appoġġjat minn tim kwalifikat, inkluż ħames speċjalisti li għandhom pożizzjonijiet għolja fl-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, persuna miċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard, iċ-chairperson tal-bord tal-esperti tas-saħħa pubblika għall-Kummissjoni Ewropea u tliet presidenti passati ta’ assoċjazzjonijiet kbar fis-saħħa pubblika Ewropea.

L-assoċjazzjoni kompliet tgħid li filwaqt li n-numru ta’ każi ta’ coronavirus f’Malta u r-rata ta’ mwiet għadhom għoljin, il-miżuri li hemm fis-seħħ għandhom bażi xjentifika b’saħħitha li ssostnihom. Il-MAM qalet li ma taqbilx mar-raġunijiet imsemmija fil-portest għax mhux talli m’għandhomx bażi xjentifika, iżda talli jekk jitneħħew, iwasslu għal diżastru maġġuri għas-saħħa pubblika.

“Il-liġijiet tas-saħħa pubblika fil-pajjiżi demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea jippermettu sospensjoni temporanja ta’ ħelsien personali, jekk dan ikun iġġustifikat minn theddid fuq is-saħħa pubblika bħal mhu l-coronavirus, għax il-ġid tal-komunità huwa aktar importanti. Din hija xi ħaġa aċċettata minn diversi reliġjonijiet u infatti, il-mexxejja reliġjużi ssapportjaw dawn il-miżuri,” qalet il-MAM.

Kompliet tgħid li hi wkoll tissapportja l-opinjoni li minħabba ż-żieda ta’ każi u mewt, hemm bżonn miżuri aktar ristrettivi. Għalhekk, il-MAM qalet li ma taqbilx mal-Prim Ministru u l-Kabinett ladarba dawn ma daħħlux miżuri ġodda li huma aktar ristrettivi.

Temmet tgħid li hemm bżonn li tkun iddikjarata Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika sabiex is-sentimenti li qed jinħarġu f’dan il-protest ma jkunux inkoraġġuti li jibqgħu jinfirxu qalb il-pubbliku inġenerali.