Il-prostituzzjoni legali hi rigal lill-pimps – 40 għaqda

Read in English.

Id-dikriminalizzjoni b’mod miftuħ tal-prostituzzjoni jkun qed jagħti rigal lill-pimps u t-traffikanti. Din kienet l-istqarrija ta’ Aktar minn 40 għaqda li rreaġixxaw għall-proposti li għamlu l-għaqdiet mhux governattivi l-Fondazzjoni Integra u l-Fondazzjoni Aditus dwar ir-riforma fil-liġi tal-prostituzzjoni. Huma qalu li l-proposti tal-Aditus u Integra huma irresponsabbli u perikolużi għal Malta.

Il-prostituti jispiċċaw f’periklu jekk jitqiesu kriminali – Aditus u Integra

Spjegaw li l-Integra u l-Aditus jippromwovu l-aktar id-drittijiet tal-immigranti u ta’ persuni LGBTQQI+ u għalhekk jafu li jekk tiġi legalizzata l-prostituzzjoni bħala xogħol ma tkunx qed tipproteġi lill-persuni vulnerabbli. Dan ifisser li wieħed ikun qed jagħti lok għal aktar abbuż kontra persuni vulnerabbli u jiżdied it-traffikar uman. L-għaqdiet spjegaw li persuni transgender u immigranti li jidħlu fil-prostituzzjoni ma jagħmlux dan għax iridu iżda għax ikunu f’sitwazzjoni iddisprata.  

L-għaqdiet issuġġerew li minflok mal-prosituzzjoni tkun legalizzata kompletament, wieħed għandu jaraw x’qed iwassal biex dawn il-persuni jkunu f’sitwazzjoni tant iddisprata li jidħlu fil-prostituzzjoni. Huma enfasizzaw li kulħadd għandu dritt għal aċċess legali u mpjieg diċenti.

L-għaqdiet saħqu li jekk tiġi implimentata l-proposta tal-Aditus u Integra se jkun hemm riperkussjonijiet fuq is-saħħa mentali u fiżika tal-prostituti. Huma spjegaw li l-prostituzzjoni ma tistax titqies bħala xogħol ‘normali’  u l-ġisem qatt ma jista’ jkun protett bħala ‘post tax-xogħol’.

Żiedu li fejn il-prostituzzjoni tkun legalizzata, il-prostituti jkunu mġiegħla jagħmlu testijiet mediċi. Madankollu dawn it-testijiet ma jkoprux lill-klijenti li ħafna drabi jitrażmettu mard bħal HIV u mard ieħor li jkun trażmess sesswalment lill-prostituti. Apparti minn hekk il-mard li jkun trażmess sesswalment mhux dejjem jinqabad mill-ewwel u dan iwassal biex ikun hemm riskji għall-persuni.

L-għaqdiet appellaw biex Malta titgħallem mill-iżbalji tal-pajjiżi oħra u tevita milli tgħaddi mill-istess konsegwenzi li għaddew minnhom pajjiżi oħra.

Din l-istqarrija ġiet iffirmata minn diversi għaqdiet lokali u internazjonali fosthom; l-Azzjoni Kattolika Maltija (AKM), il-Caritas, Dar Hosea, Dar Merhba Bik, il-Fakultà tat-Teoloġija, l-Għaqda Studenti tat-Teoloġija, Saint Jeanne Antide Foundation (SJAF) u University Chaplaincy

Ippenalizza lil min jixtri s-sess – NCPE

Il-prostituti m’għandhomx jiġu kriminalizzati; min jixtri s-sess iva – l-Arċidjoċesi