Il-Prostituzzjoni hi vizzju li jittortura lin-nisa bla difiża

Il-prostituzzjoni hi delitt mill-agħar li jirriduċi nisa vulnerabbli għal skjavi li jiddependu mill-klijenti tagħhom.  In-nies kollha ta’ rieda tajba huma fid-dover li jgħin lin-nisa vulnerabbli u vittmi oħra ta’ traffikar uman biex jeħilsu mill-iskjavitù sesswali.”

Hekk kiteb il-Papa Franġisku fid-Daħla għal ktieb dwar it-tabtija tan-nisa li jkunu sfurzati għall-prostituzzjoni, li għadu kif kien pubblikat fl-Italja.

“Kull forma ta’ prostituzzjoni hi skjavitù, att kriminali, vizzju disgustanti li jfixkel l-att tal-imħabba mas-sodisfazzjoni tal-istinti tal-bniedem billi jittortura nisa li ma għandhomx difiża. Din hi marda tal-umanità u mod żbaljat kif inħarsu lejn is-soċjetà.

Nisa msallba

Il-ktieb intitolat “Nisa Msallba” inkiteb minn Dun Aldo Buonaiuto, qassis li jaħdem għall-Komunita Ġwanni XXIII, li hi assoċjazzjoni internazzjonali li tgħin persuni emarġinati.

Il-gazzetta tal-Vatikan, L’Osservatore Romano, ippublikat il-prologu ta’ dan il-ktieb bit-Taljan, lejlet il-Jum Dinji kontra t-Traffikar tal-Persuni.

Fis-Sena tal-Ġublew, il-Papa Franġisku kien għamel żjara f’dar tal-Komunita Ġwanni XXIII li tinsab fit-tramuntana tal-Italja li tgħin nisa biex jibnu ħajjithom mill-ġdid wara li jinħelsu mill-prostituzzjoni.

Dakinhar il-Papa kien iltaqa’ ma’ “20 mara meħlusa mill-iskjavitu tal-prostituzzjoni. Sitta minnhom kienu Rumeni, erba’ mill-Albanija, seba’ min-Niġerja u waħda mit-Tuneżija, l-Italja u l-Ukrajna.

Skont L’Osservatore Romano, il-Papa talab maħfra lil dawn in-nisa, f’isem l-irġiel kollha, speċjalment irġiel insara – li użawhom u abbużawhom.

“Illum nitlobkom maħfra. Għall-insara kollha għall-Kattoliċi kollha li abbużawkom. U nitlobkom maħfra jien stess talli ma tlabtx biżżejjed għalikom biex tinħelsu minn din l-iskjavitù”, kien qal il-Papa li dan il-grupp ta’ nisa.

Maħfra

Fid-Daħla tal-ktieb il-Papa fakkar f’din iż-żjara u qal li waqt li dakinhar kien qed jitkellem ma’ dawn in-nisa, “stajt inħoss l-uġiegħ, l-inġustizzja u l-effetti ta’ din l-oppressjoni.

“Wara li smajt l-istejjer umani li jmissu l-qalb ta’ dawn l-imsejkna nisa, uħud minnhom b’tarbija f’idejhom, ħassejt xewqa kbira, kważi bżonn, li nitlobhom maħfra għat-tortura li kellhom jgħaddu minnha minn idejn il-klijenti tagħhom, li ħafna minnhom isejjħu lilhom infushom insara”, kiteb il-Papa.

Filwaqt li faħħar il-ħidma tal-Komunità Ġwanni XXIII, il-Papa wera t-tama li dan il-ktieb joħloq għarfien akbar tal-miżerja tan-nisa li jkunu sfurzati għall-prostituzzjoni.  “Meta wieħed jisma’ l-istejjer ta’ dawn il-vittmi tat-traffikar, jifhem li jekk ma nwaqqfux din il-kilba kbira mill-klijenti, mhux se nkunu kapaċi niġġieldu b’mod effettiv l-esplojtazzjoni u l-umiljazzjoni ta’ ħajjiet innoċenti”.

Ħadd, speċjalment l-insara “ma jista’ jdawwar wiċċu jew jaħsel idu mid-demm innoċenti li qed jixtered fit-toroq tad-dinja”, żied jgħid il-Papa.

“Il-korruzzjoni hi marda li mhux se tieqaf weħidha. Irridu nqajjmu kuxjenza fuq livell individwali u kollettiv – anke bħala Knisja – biex ngħinu lil dawn ħutna sfortunati u ma nħallux l-inġustizzja tad-dinja taqa’ fuq l-aktar kreaturi fraġli u bla difiża”, temm jikteb Papa Franġisku.