Il-prostituzzjoni eżerċizzju ta’ kontroll mill-irġiel fuq in-nisa – NCPE

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) spjegat li l-prostituzzjoni hija primarjament eżerċizzju ta’ poter u kontroll mill-irġiel fuq in-nisa. Qalet dan fi stqarrija fejn spjegat li l-maġġoranza assoluta tal-prostituti huma nisa, filwaqt li l-maġġoranza assoluta tal-pimps u l-klijenti huma rġiel.

Il-Kummissjoni qalet dan fid-dawl li wasal biex jitlesta r-rapport tal-Kumitat Tekniku għar-Riforma dwar il-Prostituzzjoni. Saħqet li din ir-riforma għandha tkun ibbażata fuq id-drittijiet umani. Jiġifieri li l-prostituzzjoni tiġi dekriminalizzata u li x-xiri tas-sess jiġi ppenalizzat. Sostniet li filwaqt li l-prostituti m’għandhomx jiġu kkastigati għaliex sofrew sfruttament, ix-xerrejja tas-sess għandhom jiġu ppenalizzati. B’hekk jitħarbat is-suq tas-sess u jintbagħat messaġġ b’saħħtu favur l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Kien spjegaqt kif f’pajjiżi li nnormalizzaw il-prostituzzjoni u kkunsidraw ix-xiri tas-sess bħala leġittimu, raw it-twessiegħ tas-suq tas-sess b’żieda kemm fid-domanda kif ukoll fil-bżonn għall-provvista. “Ir-riżultat kien li dawn spiċċaw kalamita għat-traffikar uman u ċentri għat-turiżmu tas-sess. Min-naħa l-oħra, pajjiżi bħall-Iżvezja li kkriminalizzaw ix-xiri tas-sess raw tnaqqis fl-industrija tas-sess u tnaqqis fit-traffikar uman – inqas domanda, inqas provvista,” qalet l-NCPE.

L-NCPE enfasizzat ukoll li d-diskussjoni madwar ir-riforma dwar il-prostituzzjoni għandha tiffoka fuq l-imġiba tal-klijenti u l-istrutturi patrijarkali ta’ inguwaljanza li jwasslu biex ħafna rġiel jaraw lin-nisa bħala oġġett u jixtru l-ġisem tagħhom. “Ir-riforma dwar il-prostituzzjoni għandha ssostni l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà, tiġġieled l-isterjotipi tal-ġeneru, u toħloq strateġija sabiex tittieħed azzjoni kontra l-pimps u t-traffikanti. Bħala l-entità nazzjonali responsabbli mill-ugwaljanza, l-NCPE tisħaq li r-riforma dwar il-prostituzzjoni għandu jkollha fiċ-ċentru tagħha l-prinċipji tad-drittjiet umani u l-ugwaljanza,” temmet tgħid l-NCPE.

Intant, fl-aħħar jiem, il-Koalizzjoni dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni qalet li l-Gvern ta l-approvazzjoni tiegħu biex Malta tittrasforma f’ċentru ta’ turiżmu sesswali. Dan sar permezz ta’ kumitat tekniku ‘difettuż’ li qed jipproponi li l-postituzzjoni diġi dikriminalizzata.

Il-koalizzjoni li hija ffurmata minn numru ta’ organizzazzjonijiet u esperti, jiffavurixxu l-mudell Nordiku, dik li jiġu dikriminalizzati l-ħaddiema fil-qasam tal-prostituzzjoni iżda dawk li għamlu użu mis-‘servizz’ tagħhom għandhom ikunu kriminalizzati, kif ukoll jingħata s-sapport lil dawk il-persuni li jixtiequ jitilqu minn dan ix-xogħol.

The Malta Women’s Lobby kienet irreaġixxiet għall-kliem tal-kumitat tekniku u qalet li huwa evidenti li l-kumitat tekniku m’għandux fih esperti li ħadmu fil-qasam tal-prostituzzjoni u t-traffikar uman. Huma żiedu li f’dan il-kumitat ma jinkludix rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet lokali għan-nisa jew xi ħadd li ħadem fuq il-koalizzjoni dwar din il-kwistjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kien qal li dak li ġie żvelat permezz ta’ intervista fuq The Malta Independent on Sunday u mhux fi stqarrija uffiċjali huwa prova li l-proċess ta’ konsultazzjoni huwa farsa biex joħloq paraventu biex f’Malta l-prostituzzjoni ssir attività li minnha n-nisa jistgħu jibdew jiġu sfruttati uffiċjalment, bil-barka tal-Gvern.