Read in English.

Dr Anna Vella li ilha snin tagħmel xogħol volontarju ma’ Dar Hosea biex tgħin lill-prostituti nisa, stqarret li dawk fil-prostituzzjoni jkunu sfurzati biex jagħmlu dan “ix-xogħol”. Hija sostniet li kemm l-esperjenza kif ukoll ir-riċerka juru li n-nisa ma jsirux prostituti bil-libertà.
Anna Vella kienet qed titkellem ma’ Fr Joe Borg is-Sibt filgħodu waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon 103 Malta’s Heart. L-intervista saret fl-istess ġimgħa li l-Gvern nieda dokument għal konsultazzjoni pubblika dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-prostituzzjoni.
Aqra: Il-Gvern bi proposti dwar id-dekriminalizzazzjoni tal-prostituzzjoni
Stejjer tal-waħx
Biex issaħħaħ l-argument tagħha, Vella semmiet sensiela ta’ stejjer tal-waħx biex tfisser it-tbatija li jgħaddu minna ħafna prostituti.
“Kellna każ meta raġel ried li l-partner tiegħu terġa’ tibda tmur mal-irġiel. Meta ma riditx qabad lit-tarbija tagħha ta’ ftit xhur u sabbatha. Kissrilha saqajha t-tnejn”, qalet Vella. Ir-raġel intbagħat il-ħabs.
Hija qalet li ħafna min-nisa li jaqgħu fil-prostituzzjoni jkunu vittmi ta’ abbużi sesswali serji u kontinwi. Vella stqarret li ħafna nisa jiġu abbużati saħansitra mill-qraba tagħhom stess.
“Għandna diversi każi ta’ nisa stuprati minn xi nannu jew anke minn missierhom. L-istupru jintuża biex imbagħad jitfgħu lill-mara fil-prostituzzjoni.”
Hija semmiet li s-swat u l-vjolenza jintużaw ta’ spiss biex mara tkun imwerwra u ma tirreżistix li tkun ipprostitwita. Hija taf min kissrulu snienu u anke kellu jiddaħħal fl-isptar bi ksur ta’ għadam.
Hemm ukoll, qalet Vella, nisa vittmi tal-abbuż tad-droga u li jkollhom jipprostitwixxu ruħhom biex jiffinanzjaw il-vizzju tad-droga. Dr Vella taħdem ħafna wkoll mal-vittmi tad-droga.
Fejn taqbel, fejn ma taqbilx
Dr Vella laqgħet il-proposta tal-gvern li fl-aħħar it-tlajjar fit-toroq mhux se jibqa’ reat għax jgħin biex in-nisa li joħorġu mill-prostituzzjoni ma jkollhomx fedina penali twila u allura iktar faċli li jsibu xogħol.
“Naqbel ma’ dan”, qalet Vella “għax dawn qed jiġu sfurzati jkunu prostituti; u min ikun sfurzat li jagħmel xi ħaġa ma għandux jintbagħat il-ħabs.”
Iżda hija ma taqbilx li dawk li jisfruttaw lin-nisa billi jixtru s-sess mingħandhom ma jingħatawx xi forma ta’ piena. Hija qalet li dawn l-irġiel ikunu qed jisfruttaw u jabbużaw min-nisa li jkunu persuni vulnerabbli. Hija semmiet l-eżempju ta’ New Zealand, fejn il-prostituti spiċċaw bħala parti minn ‘offerta’ li kienet tinkludi wkoll ikla b’xejn mingħand ħanut tal-fast food.
Il-ħidma ta’ Dar Hosea
Dar Hosea tiftaħ kuljum bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa. F’din id-dar immexxija mis-Sorijiet tal-Karità, il-prostituti jkunu jistgħu jmorru jistrieħu, jieklu, jinħaslu u jitkellmu ma’ counsellers professjonali. Dan kollu jsir bla ħlas. Dar Hosea tipprovdi wkoll bla ħlas servizzi ta’ tobba, dentisti, avukati u professjonisti oħra. Dawn il-professjonisti jgħinu lil Dar Hosea b’mod volontarju.
Dawk kollha li jixtiequ xi għajnuna min Dar Hosea jistgħu jidħlu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Dar Hosea jew iċemplu fuq in-numru 99508954.
Aqra: Priġunieri vittmi tal-prostituzzjoni se jingħataw għajnuna mis-sorijiet