Il-prostituti m’għandhomx jiġu kriminalizzati; min jixtri s-sess iva – l-Arċidjoċesi

L-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li dawk is-sex workers li jaħdmu fil-qasam tal-prostituzzjoni m’għandhomx jiġu kriminalizzati. Però temmen li x-xiri tas-sess għandu jkun illegali.

Fi stqarrija, l-Arċidjoċesi qalet li l-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Caritas ħadmu ma’ 36 għaqda oħra biex flimkien jippreżentaw proposti lill-Gvern dwar ir-riforma fil-liġijiet tal-prostituzzjoni u t-traffikar tal-umani.

L-entitajiet qalu li għandhom tliet punti prinċipali f’moħħhom li ma jistgħux jiġu implimentati b’mod separat. Dan biex tiġi mħarsa d-dinjità tal-bniedem.

Filmat: “Lill-vittmi tal-prostituzzjoni noffrulhom shower u ikel”

It-tliet pilastri huma:

  1. Dekriminalizzazzjoni ta’ dawk li jaħdmu bħala sex workers
  2. Li x-xiri tas-sess ikun reat kriminali
  3. Jinħolqu servizzi għal dawk li jridu joħorġu mill-prostituzzjoni

L-Arċidjoċesi u l-Caritas qalu li dan irid ikun akkumpanjat minn rikonoxximent li l-prostituzzjoni hija forma ta’ vjolenza.

“Il-vjolenza qatt ma tista’ tiġi regolata jew legalizzata, tista’ tiġi biss dikjarata llegali,” qalet l-Arċidjoċesi. Qalet ukoll li l-bniedem għandu jibqa’ l-prijorità qabel kull gwadann ekonomiku.

L-Arċidjoċesi u l-Caritas qalu li l-maġġoranza tas-sex workers jidħlu fil-prostituzzjoni kontra r-rieda tagħhom u jispiċċaw vittmi u skjavi tas-sistema. Intqal li dawn il-vittmi m’għandhomx jiġu vittmizzati aktar għall-abbuż li jsofru.

Qalu wkoll li x-xiri tas-sess mhux bħax-xiri ta’ xi servizz.Spjegaw li huwa l-esplojtazzjoni tan-nies fejn jitqiesu bħala oġġetti. It-tranżazzjoni degradanti hija forma ta’ abbuż. Min jipparteċipa fih aktarx ikun qed jgħin forom oħra ta’ kriminalità.

Spjegaw li ħafna minn dawk li jidħlu jaħdmu f’dan il-qasam ma jkunux jistgħu jitilqu għax jibżgħu u minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet għar-riabilitazzjoni. Saħqu li hemm bżonn servizzi legali, tas-saħħa, finanzjarji, u edukattivi.

Il-prostituta għandha tiġi dikriminalizzata, il-prostituzzjoni le – Catholic Voices